Fl-okkażjoni tal-Istaġun tal-Ħolqien, il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent u l-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi se jorganizzaw seminar dwar il-ħajja ta’ Santa Hildegard ta’ Bingen u l-kontribut li tagħha fl-iżvilupp tal-ispiritwalità ekoloġika.
Matul dan is-seminar se jkun hemm ukoll workshops fejn iil-parteċipanti jkunu jistgħu jifhmu iktar fid-dettall ftit mill-kontribut li tat dn il-qaddisa u jesploraw il-kitba, il-mużika, l-arti ta’ Santa Hildegard stess, kif ukoll il-ħidma tagħha fil-qasam tal-mediċina naturali. Santa Hildegard hi persunaġġ importanti għal żmienna minħabba l-bżonn qawwi li niskopru mill-ġdid l-għeruq u t-tradizzjonijiet Insara tagħna sabiex nifhmu aħjar l-preżent.
Is-seminar se jsir s-Sibt, 24 ta’ Settembru 2022, fil-Monasteru ta’ San Pietru fl-Imdina, bejn id-9:30am u s-1pm. Kull min jixtieq jattendi hu mitlub jirreġistra permezz ta’ email fuq [email protected].
Din hi waħda mill-attivitajiet li l-Knisja f’Malta qed tieħu sabiex matul l-Istaġun tal-Ħolqien (bejn l-1 ta’ Settembru u l-4 ta’ Ottubru) tingħaqad ma’ għadd ta’ Knejjes Insara oħra minn madwar id-dinja u tqajjem kuxjenza dwar l-impenn tagħna li nisimgħu l-leħen tal-ħolqien u nieħdu ħsieb l-ambjent kollu ta’ madwarna, inkluż lil xulxin.
Min hi Santa Hildegard ta’ Bingen
Santa Hildegard ta’ Bingen twieldet fil-Ġermanja fl-1098 u kienet soru Benedittina. Hi meqjusa bħala l-fundatriċi tal-mediċina alternattiva Ġermaniża u hi magħrufa għall-kontribut tagħha fil-qasam tas-saħħa u l-benessri ħolistiċi. Kienet tisħaq u tippromwovi l-prevenzjoni tal-mard u l-fejqan tal-mard bl-użu ta’ mediċini naturali kif ukoll bi ta’ stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa. Santa Hildegard ta’ Bingen hi wkoll waħda mid-Dutturi tal-Knisja.