L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Meta naqraw dawn l-ismijiet, forsi jiġina f’moħħna: kellu għalfejn San Mattew, fil-bidu tal-Evanġelju tiegħu, jagħtina din il-lista ta’ ismijiet, li għalina ħafna minnhom huma strambi? Jista’ jkun ukoll li ħafna minnhom għalina ma jfissru xejn, għalkemm il-parti l-kbira ta’ dawn l-ismijiet qegħdin fit-Testment il-Qadim. Imma hemm skop għaliex San Mattew fil-bidu tal-Evanġelju tiegħu jġib din il-ġenealoġija, l-arblu tar-razza ta’ Ġesù. Hemm skop, u n-nies fost il-poplu Lhudi li kienu qed jaqraw l-Evanġelju – għax San Mattew kiteb għalihom – setgħu jifhmu t-tifsira ta’ dawn il-persuni li jissemmew hawnhekk. Kienu midħla tagħhom, u għalhekk setgħu jifhmu x’ried jgħid San Mattew meta għamel din il-lista ta’ persuni li fl-aħħar iwasslu għal Ġesù, bin David.
X’kien l-iskop ta’ San Mattew? L-ewwel nett, li juri li Ġesù Kristu kien bin David, jiġifieri min-nisel ta’ David. David hu persuna tant importanti fl-istorja tal-poplu Lhudi, u dawn l-ismijiet kollha jduru proprju ma’ David: minn Abraham sa Ġakobb, imma fin-nofs hemm David. Għalhekk San Mattew ried juri dan għax il-poplu Lhudi kien jemmen li l-Messija se jkun bin David, u hu ried jurihom li Ġesù kien il-Messija, bin David.
Hemm ukoll ħaġ’oħra li toħroġ ħafna ċara f’din il-lista li għamel San Mattew. Dawn ma kinux kollha qaddisin, anzi, meta tara l-istorja tagħhom kien hemm ħafna midinbin magħrufa fosthom, nies li mat-tajjeb għamlu ħafna ħażen. Li jurina San Mattew hu li Ġesù twieled proprju f’din ir-razza. Kellu din ir-razza, li ma kinitx razza pura imma razza mtebbgħa, jiġifieri razza fejn kien hemm ukoll ħafna midinbin u ħafna ħażen. Ġesù ġie hemmhekk għax hu ġie proprju biex jifdi lill-bniedem. Għalhekk qalb umanità midinba.
Ġesù ma ġiex għal min ma għandux bżonnu, imma ġie għal kulħadd, għax kulħadd għandu bżonnu; imma speċjalment għal min tbiegħed minn Alla.
Ġesù ġie biex iġib is-salvazzjoni, biex hu jwassal l-imħabba ta’ Alla u l-ħniena ta’ Alla lejn kull bniedem. Hawnhekk dil-lista turik kemm fil-fatt l-istorja ta’ Ġesù hi storja inklużiva, jiġifieri li tinkludi lin-nies, mhux li teskludi; li tinkludi lil din il-familja kbira biex hu jressaq lil kulħadd lejn Alla. Ġesù ma ġiex għal min ma għandux bżonnu, imma ġie għal kulħadd, għax kulħadd għandu bżonnu; imma speċjalment għal min tbiegħed minn Alla.
Hawn toħroġ ħafna ċara, bil-mod kif jispjega San Mattew, l-ewwel nett il-ġenealoġija li twassal sa Ġesù, jiġifieri li Ġesù legalment kien minn din ir-razza; imma wkoll id-differenza fit-twelid ta’ Ġesù. Ninnutaw hawnhekk, wara din il-lista sħiħa li jagħmel San Mattew, fl-aħħar jgħid: Ġużeppi, ir-raġel ta’ Marija, li minnha twieled Ġesù l-Messija. Ma jgħidx: Ġużeppi li minnu tnissel Ġesù, għax ma kienx Ġużeppi l-missier naturali tiegħu imma l-missier legali. Għalhekk, filwaqt li hemm din ir-rabta sħiħa, hemm id-differenza li ġab Ġesù, għax hu twieled minn Marija – l-Iskrittura ssemmi: “Ix-xebba tnissel u jkollha iben” b’referenza għal Marija – u b’hekk ġab is-salvazzjoni lill-bnedmin kollha.
Aħna llum, meta naqraw dan l-Evanġelju, għandna nħossu l-gratitudni lejn Alla, u nagħmlu l-kuraġġ fil-ħajja tagħna. Alla jagħmlilna ħafna kuraġġ, għax nafu li lkoll midinbin, ilkoll neħtieġu s-salvazzjoni tiegħu, u għalhekk ġie fostna – għalina l-midinbin. Ġie biex jagħtina l-ħajja, biex isalvana, biex jgħinna ma nibqgħux fid-dnub tagħna imma nkunu nistgħu ngħixu ħajja ħafna isbaħ u aħjar viċin tiegħu. F’din l-okkażjoni llum nirringrazzjaw lill-Mulej. Nitolbuh biex ikollna dejjem qalbna miftuħa għalih, għall-imħabba li jrid jagħtina, għas-salvazzjoni li jrid iġibilna, u nagħrfuh tassew bħala s-Salvatur tagħna, dak li jagħtina l-ħajja u l-ħajja li tibqa’.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju