Hekk kif il-kattoliċi madwar id-dinja qed jitħejjew sabiex jibdew żmien ir-Randan mill-ġimgħa d-dieħla, il-mexxejja tal-Knisja fl-Awstralja qed joffru riżorsi sabiex japprofondixxu l-fidi permezz ta’ riflessjonijiet fuq il-vanġelu u l-kredu. Il-Konferenza Episkopali Awstraljana qed toffri esperjenza innovattiva online li qed tissejjaħ “The Reflection”.
Fi stqarrija għall-istampa li matulha tħabbret l-inizjattiva, l-Arċisqof John Bathersby, li jmexxi l-Kummissjoni għall-Formazzjoni fil-Missjoni u l-Fidi, fi ħdan il-Konferenza Episkopali, qal li “minflok ma wieħed sempliċiment iċedi xi ħaġa dar-Randan, għax m’għandux jagħmel xi ħaġa b’responsabbilta?”
“Dis-sena qed nipproponu li wieħed iqatta’ ħin mal-ħbieb u l-familjari tiegħu f’riflessjoni tal-Iskrittura li twassal għal ċelebrazzjoni tal-Knisja fit-tifsir tagħha”.
Il-programm bbażat fuq l-internet isegwi l-konferenzi li saru b’suċċess u li kienu organizzati mill-Isqfijiet is-sena li għaddiet.
L-Arċisqof Bathersby qal li mal-20,000 parteċipant minn madwar id-dinja ngħaqdu u ħadu sehem fiż-żewġ konferenzi, waqt li urew “ix-xenqa tan-nies biex japprofondixxu fil-fidi tagħhom”.
Is-serje ta’ eżerċizzi tar-Randan se tinkludi kontribuzzjoni ta’ 12-il Isqof, u se tkun ukoll qed tesponi l-qari bibbliku tal-liturġija tal-Ħadd b’riżorsi addizzjonali li tgħin biex wieħed jidħol iżjed fil-fond tar-riflessjoni tiegħu. L-ewwel sessjoni issir il-Ħadd li ġej, anki jekk ir-riflessjonijiet se jkunu aċċessibbli online l-ħin kollu.