Fl- Athenaeum Regina Apostolorum sar it-tieni simpożju tal-Isqfijiet Ewropej u dawk Afrikani. Dan qabel ma jsir is-Sinodu li jmiss fuq l-evanġelizzazzjoni, li hu skedat għal Ottubru li ġej. It-tema tas-simpożju hi “L-Evanġelizzazzjoni llum: Komunjoni u Kollaborazzjoni Pastorali bejn l-Afrika u l-Ewropa”, kif promossa mill-Kunsill tal-Konferenzi tal-Isqfijiet Ewropej u mis-simpożju tal-Konferenzi Episkopali tal-Afrika u l-Madagascar.
Fi ftuħ l-attivita, il-Kardinal Policarp Pengo enfasizza l-impenn tal-Knisja fl-Afrika biex tibqa’ tkun ta’ barka għall-kontinent u għad-dinja. Il-Kardinal Angelo Bagnasco, Preisdent tal-Konferenza Episkopali Taljana u Viċi President tal-Kunsill tal-Konferenzi tal-Isqfijiet Ewropej, qal li l-evanġelizzazzjoni l-ġdida hi meħtieġa tipproteġi kemm lill-Ewropa kif ukoll lill-Afrika minn dawk li sejjaħ “devjazzjonijiet individwalisti” li qal li jaffettwaw il-ħajja personali u komunitarja.
Il-President tal-Isqfijiet Taljani wissa dwar il-periklu li l-progress materjali jista’ eventwalment ikollu fuq l-Afrika.
Fir-rapport introduttorju l-Arċisqof tad-Dakar qal li l-Isqfijiet Ewropej u dawk Afrikani għandhom jiġbdu ħabel wieħed u jgħaqqdu l-forzi sabiex jipproklamaw aħjar il-Vanġelu. L-Arċisqof ta’ Zagreb issokta warajh dwar il-ħtieġa ta’ evanġelizzazzjoni mill-esperjenza tal-ħajja, mill-ispirtu ta’ komunjoni u mill-istess missjoni speċifika tal-Isqfijiet.
Żied jesprimi tħassib soċjali u spiritwali fil-kamp pastorali.
Is-simpożju għadda mbagħad biex fit-tieni fażi jindirizza dak li l-Knisja tista’ toffri lill-bniedem u lid-dinja llum bl-iffukar ikun Ġesu Kristu. Dan sar b’diskussjonijiet fuq l-evanġelizzazzjoni u l-isfidi ffaċċjati attwalment fl-Ewropa u fl-Afrika.
It-tielet fażi daret ma’ diskussjonijiet dwar azzjonijiet futuri li jistgħu jkunu żviluppati konġuntament bejn il-komunitajiet Ewropej u Afrikani.