“Għal tifel jew tifla, id-differenza bejn is-sessi tal-ġenituri hi fundamentali, hija l-mudell li jgħin lill-wild jifforma identita u jsib postu”. Din hija l-pożizzjoni tal-Knisja Kattolika Franċiża fid-dawl tad-deċiżjoni li ttieħdet fl-aħħar jiem mill-Qorti Amministrattiva ta’ Besancon u li tat koppji omosesswali nisa id-dritt li jadottaw tifel jew tifla.
L-opinjoni tal-Isqfijiet Franċiżi hi espressa minn Mons Jean-Charles Descubes, Arċisqof ta’ Rouen u President tal-Kunsill tal-Isqfijiet għall-familja u l-kwistjonijiet Soċjali. “Għal ħafna, id-deċiżjoni tirrappreżenta pass ‘il quddiem lejn evoluzzjoni leġislattiva maħsuba biex tagħti lill-persuni omosesswali id-dritt għall-adozzjoni ta’ tifel jew tifla”.
Żied li “l-adozzjoni, minkejja kollox, mhix dritt individwali. L-għan tagħha, f’kuntrast, hu li tipproteġi t-tifel jew lit-tifla li jkun safa mċaħħad mill-ġenituri naturali tiegħu. Huwa l-aqwa interess tat-tifel jew tat-tifla li għandu jiggwida d-deċiżjonijiet politiċi u amministrattivi.
L-istqarrija taqra: “Permezz tal-adozzjoni, it-tfal jingħataw iċ-ċans jesperjenzaw il-ħajja tal-familja u jiġu edukati f’sistema filjali li għandha tibqa’ ċara. Familja hi magħmula mill-kumplimentarjeta ta’ raġel u mara, li l-għaqda tagħhom issib l-għerq tagħha fid-differenza fiżika u sesswali tagħhom”.