Il-Papa Benedittu XVI għandu jerġa’ jiltaqa’ mal-Isqfijiet Irlandiżi hekk kif il-pajjiż għadu qed jirkupra mill-iskandli marbuta mal-abbużi sesswali allegatament imwettqa minn membri tal-kleru. Id-Direttur għall-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, il-Ġiżwita Federico Lombardi ikkonferma li l-Papa sejjaħ lill-Isqfijiet Irlandiżi għal laqgħa oħra fil-Vatikan marbuta mas-suġġett. Il-laqgħa mistennija ssir bejn il-15 u s-16 ta’ Frar li ġej.
Il-Kardinal Sean Brady, Arċisqof ta’ Armagh u President tal-Konferenza Episkopali Irlandiżi, u l-Arċisqof Diarmuid Martin ta’ Dublin diġa ltaqgħu mal-Papa fil-11 ta’ Diċembru li għadda. Huma kienu ddiskutew ir-Rapport tal-Kummissjoni Murphy, li perreċ każi ta’ abbużi fl-Arċidjoċesi ta’ Dublin bejn l-1975 u l-2004.
Dak ir-rapport kien ippubblikat f’Novembru li għadda u segwa r-rapport Ryan li kien ippubblikat f’Mejju u li perreċ għadd ta’ każi ta’ abbużi fuq it-tfal f’numru ta’ skejjel Kattoliċi fil-pajjiż kollu.
Wara l-laqgħa ta’ Diċembru, il-Vatikan irrapporta li l-Papa kien qed jippjana li jikteb ittra pastorali lill-Irlandiżi fejn “jindika b’mod ċar l-inizjattivi li għandhom jittieħdu b’reazzjoni għas-sitwazzjoni”.