abortion

L-Isqfijiet Spanjoli kkritikaw il-liberalizzazzjoni riċenti tal-liġijiet tal-abort fil-pajjiż u sejħulhom “pass serju lura fil-protezzjoni tad-dritt tal-ħajja”.

L-Isqof Awżiljarju Juan Antonio Martinez Camino ta’ Madrid, li huwa kelliemi għall-Konferenza Episkopali Spanjola, qal f’konferenza tal-aħbarijiet li l-liġi twarrab lill-ommijiet apparti milli teqred serjament il-ġid komuni.

L-Isqof Martinez indirizza lill-istampa fi tmiem laqgħa tal-Kummissjoni Permanenti tal-konferenza episkopali, liema laqgħa saret il-jum wara li s-Senat fi Spanja vvota li l-abort ikun permessibbli mingħajr restrizzjonijiet sa 14-il ġimgħa.

Il-leġislazzjoni l-ġdida tippermetti wkoll li żgħażagħ ta’ 16 u 17-il sena jagħmlu abort mingħajr permess tal-ġenituri, anki jekk huma mitluba jinfurmawhom. Aktar qabel, l-abort kien illegali minbarra f’każi ta’ stupru sat-12-il ġimgħa tat-tqala u f’każi fejn il-fetu sat-22 ġimgħa tat-tqala jkun malformat. Nisa kienu jistgħu jabortixxu fi kwalunkwe waqt jekk stabbilit li kienu f’instabbilita emozzjonali.

Il-leġislazzjoni l-ġdida tippermetti abort sa 22 ġimgħa jekk saħħet l-omm tkun f’riskju, jew jekk ikun hemm malformazzjoni tal-fetu. Abort lil hinn mit-22 ġimgħa ikun permess jekk il-fetu jkun malformat severament jew ikun dikjarat li jkollu mardserju jew inkurabbli.

Ir-Re Juan Carlos I hu mistenni issa mill-Kostituzzjoni li jiffirma l-liġi sabiex tidħol fis-seħħ.