Mons. Carmelo Zammit
Mons. Carmelo Zammit twieled il‑Gudja fid‑19 ta’ Diċembru 1949, u ġie ordnat saċerdot fl‑20 ta’ Lulju 1974.
Bejn l‑1967 u l‑1974, studja fl‑Università ta’ Malta u ggradwa b’Baċellerat fil‑Filosofija, fit‑Taljan u fl‑Ekonomija, u kiseb Liċenzjat fit‑Teoloġija. Bejn l‑1974 u l‑1976 studja fl‑Università Pontifiċja tal‑Lateran, u kiseb liċenzjat fil‑Liġi Kanonika.
Wara li temm l‑istudji tiegħu f’Ruma, kien mistieden mill‑Isqof ta’ Ġibiltà biex jagħti servizz saċerdotali fid‑Djoċesi ta’ Ġibiltà, fejn serva bejn l‑1976 u l‑1998. Meta kien jgħix Ġibiltà huwa nħatar Vigarju Ġudizzjali. Kien ukoll Kappillan fl‑Iskejjel Komprensivi tas‑Subien u l‑Bniet bejn l‑1976 u l‑1987.
Fl‑1985 inħatar Kappillan u serva fil‑Parroċċa ta’ Santa Tereża sal‑1991, u fil‑Parroċċa tal‑Qalb ta’ Ġesù bejn l‑1991 u l‑1998. F’Ġibiltà serva wkoll bħala d‑delegat tal‑Isqof fuq il‑Bord tal‑Edukazzjoni Reliġjuża għall‑Iskejjel tal‑Gvern, u meta kien Kappillan tal‑Parroċċa tal‑Qalb ta’ Ġesù serva wkoll bħala Kappillan tal‑Ħabs u bħala membru fuq il‑Bord tal‑Ħabs.
Hekk kif irritorna Malta fl‑1998, Mons. Zammit inħatar Kanċillier tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, u Imħallef fit‑Tribunal tat‑Tieni Istanza bejn l‑1999 u l‑2007. Wara, inħatar bħala Assistent tal‑Vigarju Ġudizzjali fit‑Tribunal Metropolitan tal‑Ewwel Istanza. Huwa jservi wkoll fil‑Parroċċa ddedikata lit‑Tlugħ fis‑Sema tal‑Verġni Marija, il‑Gudja.
Fl‑1997 ingħata t‑titlu ta’ Prelat tal‑Qdusija Tiegħu, filwaqt li fl‑2005 inħatar Kanonku tal‑Kapitlu Metropolitan. Fl‑2010 ġie elett President tal‑Kapitlu Metropolitan u ilu mill‑2009 membru tal‑Kunsill tal‑Fondazzjoni tal‑KonKatidral ta’ San Ġwann.
Fis‑6 ta’ Mejju 2015, l‑Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Mons. Carmelo Zammit bħala Vigarju Ġudizzjali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta.