L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Iż-żewġ anġli li smajna fil-bidu spjegawlna l-veru tifsira tal-Milied. Kemm hi ħaġa sabiħa li ninġabru mal-ħbieb tagħna, fil-familji, f’diversi okkażjonijiet biex nifirħu u nkunu flimkien. Imma kemm hi ħaġa sabiħa wkoll, li ngħixu t-tifsira vera tal-Milied, billi nkunu preżenza sabiħa għal xulxin. Nieħu pjaċir meta nħares lejn il-poplu tagħna u l-ġenerożità tiegħu, u nara qalb kbira u ġeneruża. Ftit jiem ilu għamilna ċelebrazzjoni ta’ solidarjetà kbira fl-Istrina, illum qegħdin nitolbukom biex tieħdu ħsieb id-Dar tal-Providenza.
Dawn huma atti konkreti, li ’l fuq u lil hemm mid-dgħufija tagħna, xi kultant mill-kwistjonijiet ta’ bejnietna, jafu jagħtuna sinjali sbieħ, ċari u qawwija ta’ tama. Jafu wkoll jagħżlu dik il-ħaġa tajba li hemm fil-qalb tagħna, u permezz tagħha, permezz tal-ftit ta’ kull wieħed u waħda minna, jirnexxilna nagħmlu opri kbar.
Il-papiet, ibda mill-Papa Pawlu VI, xtaqu li dan l-ewwel jum tas-sena ċivili, ikun imsejjaħ il-Jum tal-Paċi. Aħna nitolbu ħafna għad-don tal-paċi, mhux biss fid-dinja, imma fl-Ewropa, naħsbu fl-Ukrajna, imma anke bejnietna. Il-paċi soċjali, li l-ewwel nett tiġi mill-paċi li kull wieħed u waħda minna jkollu f’qalbu. Din hi paċi li ma tistax tixtriha, la online u lanqas fil-ħwienet; u verament ma tiswiex flus. Il-paċi fil-qalb titwieled mill-fatt li inti taċċetta l-limiti tiegħek, u żgur li jgħinek ħafna ssib il-paċi, meta titgħallem tafda f’Alla li ħalqek. Inti ddur lejh u tapprezza kemm iħobbok.
Sirna nafu li l-aħħar kliem li qal il-Papa Benedittu qabel spira; proprju 24 siegħa ilu, fid-9:30am tal-bieraħ, fl-aħħar jum tas-sena 2022; kienu ovvjament bil-lingwa li għallmitu ommu, bil-Ġermaniż: ‘Ġesù, jiena nħobbok’; u ta l-aħħar nifs ta’ ħajtu. ‘Ġesù, jiena nħobbok’. Dawn huma kliem li jgħallmuna. Aħna qegħdin nersqu biex kontinwament, dawn il-kliem insarrfuhom fil-ħajja tagħna? Tkun ħaġa sabiħa, jekk fl-ewwel jum tas-sena, nitgħallmu minn dawn l-aħħar ftit kelmiet, li qal il-Papa Benedittu fil-privatezza tas-sodda tal-mewt tiegħu, imdawwar ma’ dawk li kienu qed jieħdu ħsiebu. Nifhmu li l-ħajja tagħna tkun sabiħa jekk tkun vjaġġ, li minkejja d-dgħufijiet tagħna, nirrispondu għal dik il-mistoqsija li jagħmlilna Ġesù: “Inti tħobbni?” (Ġw 21:16) Il-Mulej, ir-risposta, jagħtina ċans nagħtuhielu fil-proxxmu tagħna, bl-għajnuna li nagħtu lil xulxin.
Il-Mulej iħares lill-poplu tiegħu permezz tagħna. Kulħadd fl-irwol tiegħu.
Għalhekk nitlob ukoll illum, il-barka li l-Mulej għallem lil Mosè, u qallu biex jgħaddi lil Aron: “Kellem lil Aron u ’l uliedu u għidilhom: Meta tbierku ’l ulied iżrael, hekk għandkom tgħidulhom: ibierkek il-Mulej u jħarsek! Iħares lejk il-Mulej bi mħabba, u jagħtik is-sliem!” (Numri: 6:23-24,26). Din hi barka li nitlob b’mod speċjali fuq il-poplu tagħna, li aħna nibqgħu u nkunu poplu ta’ ħarsien.
F’dawn il-jiem qed niċċelebraw l-ewwel ċentinarju tal-Innu Malti: “Ħares, kif dejjem int ħarist”. Hekk ngħidulu lil Alla “Ħares, kif dejjem int ħarist”. U fl-aħħar Dun Karm, qisu qed jirrepeti din il-barka ta’ Aron fuq il-poplu, jitlob ukoll fuq il-Maltin biex “iseddaq fostna, l-għaqda u s-sliem”. Iħares lejk il-Mulej bi mħabba, u jagħtik is-sliem!” (Numri: 6:26) “Ibierkek il-Mulej u jħarsek!” (Numri 6:24). Aħna u nitolbu l-Innu Malti, niftakru, li fih hemm ukoll din il-barka, li l-Mulej irid jagħti lill-poplu tiegħu.
Il-paċi fil-qalb titwieled mill-fatt li inti taċċetta l-limiti tiegħek, u żgur li jgħinek ħafna ssib il-paċi, meta titgħallem tafda f’Alla li ħalqek. Inti ddur lejh u tapprezza kemm iħobbok.
L-anġli li kellmuna, li ntilfu għax wieħed minnhom tilef it-tromba u sabu ruħhom hawn, u bdew jinnotaw x’ġara elfejn sena wara t-twelid ta’ Ġesù. X’riedu jgħidilna? Aħna rridu nkunu li nħarsu. Il-Mulej iħares lill-poplu tiegħu permezz tagħna. Kulħadd fl-irwol tiegħu. Għandna l-President tar-Repubblika hawnhekk, għandu r-rwol tiegħu, hu l-Kap tal-Istat. Jiena għandi din il-missjoni li nkun r-Ragħaj tal-poplu f’isem Ġesù. Kull wieħed u kull waħda minna, għandna r-responsabbiltà tagħna. Il-Mulej mhux se juża lil ħaddieħor biex iħares il-poplu tiegħu. Jinqeda bina, bid-difetti tagħna, bil-limiti tagħna, b’dak li nistgħu nagħmlu. Qed jgħidilna: se tħarsuni fit-tarbija fil-ġuf? Fl-anzjan li qiegħed imut? Se tkunu appostli tal-ħarsien? Jew ta’ xi ħaġa oħra?
Dan mhux statement kbir tal-poplu Malti, f’soċjetà, f’kultura; li tagħżel biss u donnha tagħti d-dritt li jitwieled, minn min hu perfett, sabiħ, u 100 fil-mija ok. Issa 100 fil-mija ok, ma nafx xi tfisser jien; u ma nafx liema strument jista’ jgħidlek. Imma hawnhekk, aħna l-Maltin u l-Għawdxin, anke bl-offerta tagħkom illum, qed nagħmlu statement, li biex ikollok dritt tgħix, m’hemmx għalfejn tkun perfett. Dak hu sinjal ta’ tama għalina wkoll, għal kull wieħed u kull waħda minna. Dan hu statement qawwi u għażiż għall-poplu tagħna; li jfisser impenn, li nilqgħu kull ħajja kif tiġi, kif mibgħuta. Għax kull ħajja hi prezzjuża. M’hemmx għalfejn tkun perfetta biex tkun prezzjuża.
Ejja nitolbu dan id-dawl fuq il-poplu tagħna. It-tajjeb li ma jkunx fil-headlines tal-gazzetti. Imma t-tajjeb li hemm fil-familji, fis-soċjetà, fl-NGOs tagħna, fil-volontarjat, fil-Knisja, f’tant istituzzjonijiet; aħna napprezzawh u ngħożżuh.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Num 6:22-27
Salm: 66 (67):2-3,5,6,8
Qari II: Gal 4:4-7
L-Evanġelju: Lq 2:16-21