L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

F’dan il-Ħadd, għalkemm qegħdin fis-sena ddedikata lill-Evanġelju ta’ San Mark, nikkonkludu l-qari minn kapitlu 6 tal-Evanġelju ta’ San Ġwann. Imma peress li l-Evanġelju ta’ San Mark huwa qasir, f’diversi Ħdud ikollna siltiet oħra mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.

Fil-Ħdud li għaddew, apparti l-Ħadd li għadda li ddedikajnieh lill-Assunta, smajna kif il-poplu kien immeraviljat bil-qawwa ta’ Ġesù li jkattar il-ħobż, u riedu jagħmluh sultan u fir-raħal adottiv tiegħu, Kafarnahum, jidħol fis-sinagoga u jitkellem dwar il-ħobż li niżel mis-sema li hu huwa stess, it-tagħlim tiegħu u lejn l-aħħar tal-kapitlu. Ftit qabel is-silta li għadna kemm qrajna, Ġesù wkoll joffri ġismu bħala ikel li jwassal għall-ħajja ta’ dejjem.

Min kien qed jisimgħu qalu: “Iebes dan il-kliem! Min jiflaħ jisimgħu?” (Ġw 6:60). Wieħed jista’ forsi jiġih il-ħsieb li kienu qegħdin jgħidu hekk għaliex kien qiegħed joffri lil ġismu biex jittiekel imma l-offerta ta’ Ġesù mhix tip ta’ kannibaliżmu, mhux se jqatta’ biċċa minn sebgħu u jagħtihielek biex tikolha. Il-ħobż jsir il-ġisem ta’ Ġesù, l-inbid li jsir id-demm ta’ Ġesù. Dan huwa ikel spiritwali. Aħna nsiru ħaġa waħda ma’ Ġesù meta nieklu l-ġisem qaddis tiegħu fl-Ewkaristija u nixorbu d-demm qaddis tiegħu fis-sagrament.

Hu jgħid li għalina din hi qawwa li twassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Imma forsi kien hemm xi ħaġa oħra li kienet qed tfixkilhom: li t-tagħlim ta’ Ġesù, u dan jiġri anke lilna wkoll, kultant inħossuh jisfidana u ħa ngħiduha kif inhi, kultant anke jiskandalizzana meta jgħidilna biex inħobbu lill-għedewwa tagħna u naħfru; meta m’għandniex nistennew ‘grazzi’ ta’ xi pjaċir; meta jgħidilna li rridu narawh f’min hu dgħajjef, f’min hu mwarrab, fil-migranti u fl-emarġinati. Meta niġu għas-‘si’ u n-‘no’ l-kliem ta’ Ġesù jsir diffiċli. Jista’ jkun li għal ftit mumenti aħna wkoll nagħmlu bħalma għamlu bosta mid-dixxipli tiegħu. Wara dan id-diskors f’Kafarnahum l-Evanġelju ta’ San Ġwann jinsisti li “bosta mid-dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux imorru warajh” (Ġw 6:66).

Ġesù ma jbiddilx it-tagħlim tiegħu, ma jbiddilx il-fehma tiegħu anzi jdur fuq it-tnax u jagħtihom il-libertà sħiħa jiddeċiedu li jitilquh. “Tridux tmorru intom ukoll?” (Ġw 6:67). Donnu qed jgħidilhom: ‘Qed tarawhom kif telqu wħud minnhom? Jiena l-offerta li għamilt tiegħi nnifsi hija l-ubbidjenza tiegħi lejn il-Missier u mhux se nbiddilha. It-tagħlim tiegħi huwa spirtu u ħajja. X’se tagħmlu?’ Pietru jagħmel stqarrija tal-fidi li llum aħna, għalkemm dgħajfin, għandna bżonn nissieħbu magħha. Għalkemm nafu li kultant, meta l-Evanġelju jsir kelma iebsa, ikollna tentazzjoni kbira nistaqsu jekk jaqblilniex inkunu onesti u ma nixxaħħmux, jekk jaqbillekx tisraq lill-proxxmu jew jekk lill-ħaddiem tagħtihx paga tajba jew tisolħux.

Dawn huma kollha deċiżjonijiet li aħna naffaċċjaw ruħna magħhom. Mhux dejjem inġibuha żewġ u mhux dejjem nobduh lil Ġesù. Fir-relazzjoni ta’ bejnietna ġieli nużaw kliem iebes għal xulxin jew nivvendikaw ruħna minn xulxin jew ma nkunux rridu naħfru lil xulxin? Hemmhekk ukoll il-kelma ta’ Ġesù ssir kelma iebsa: “Iebes għalina dan il-kliem! Min jiflah jisimgħu?” (Ġw 6:66).

Imma Pietru jgħidlu: “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem. Aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla” (Ġw 6:68-69). Pietru, għalkemm bniedem dgħajjef, ’il quddiem se jiċħad lil Ġesù u jitilqu wkoll bħalma għamlu l-oħrajn. Għax is-siegħa ħażina tiġi fuq kulħadd, mhux fuq Ġuda l-Iskarjota biss ġiet, imma fuq kulħadd, barra Ġwanni d-dixxipli l-maħbub, l-unika wieħed li baqa’ fidil għal Ġesù anke ħdejn is-salib u ħa ħsieb lil Marija.

Imma San Pietru jitkellem f’isimna, għalkemm dgħajfin bħalu: “Għand min tridna mmorru?” Aħna nistgħu kultant niżolqu fin-niexef, nistgħu ma nġibuhiex żewġ, nistgħu kultant nitilquk imma inti għandek il-kliem tal-ħajja’. Min jaf kemm hemm minna li biż-żmien jgħidu bejnhom u bejn ruħhom: ‘Kellha raġun ommi, kellu raġun missieri, kellu raġun is-sinjur tagħna Ġesù Kristu’. U hemmhekk tinduna li l-Mulej ikellmek permezz ta’ min iħobbok għaliex anke l-vuċi tiegħu meta toqorsok fil-laħam il-ħaj, tibqa’ vuċi ta’ mħabba. Wara kollox mhux dan hu l-kliem ta’ spirtu u ta’ ħajja?

Ġesù jitkellem ukoll dwar il-laħam, il-ġisem. Hu stess qed joffrilna ġismu. Mela l-kelma hawnhekk qed jużaha b’mod negattiv ħafna: dak kollu li hu materjali u li mingħalina se jimlielna l-qalb tagħna. Min jaf kemm hawn min għandu l-miljuni imma m’għandux il-paċi fil-qalb? Din tinkwetani u fl-istess ħin tisfidani. Kapaċi nixtru kollox imma ma nistgħux nixtru l-paċi tal-qalb.

Allura forsi ta’ min, minkejja d-dgħufija tagħna ⁠— u l-Mulej jaf u jħenn għalina ⁠— minkejja forsi  niċħduh kemm il-darba, ngħidu ma’ Pietru: “Mulej, għand min tridna mmorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6:68).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġoż 24:1-2a,15-17,18b
Salm: 33(34):2-3,16-17,18-19,20-21,22-23
Qari II: Efes 5:21-32
Evanġelju: Ġw 6:63ċ,68ċ