L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Ħadd ma jixgħel musbieħ u jgħattih b’għatu jew iqiegħdu taħt sodda” (Lq 8:16). Dan hu l-kliem li jgħid Ġesù llum fl-Evanġelju skont San Luqa, u jgħidu lill-folla. Hu kliem li n-nies jifhmuh, għax jekk int tixgħel musbieħ, tixegħlu biex tqiegħdu f’post fejn jista’ jagħti d-dawl. Għalhekk Ġesù jgħid li tqiegħdu fuq l-imnara, li kienet lampa medjevali li kienet tintuża biex tista’ tqiegħed il-musbieħ, u msiebaħ oħra, biex jistgħu jagħtu d-dawl. Musbieħ, jekk tkun xegħeltu, ma tqegħdux taħt sodda jew tgħattih, għax jitlef l-iskop tiegħu. Ġesù kien ċar, u n-nies setgħu jifhmu tajjeb ħafna x’qed jgħid: li musbieħ mixgħul għandu skop, u l-iskop hu li int tara d-dawl, li dan jagħti d-dawl.
X’jgħid dan lilna għall-ħajja tagħna llum? L-ewwel nett il-musbieħ mixgħul hi l-kelma ta’ Alla. Fil-fatt is-Salm jgħid: “Musbieħ għal riġlejja l-kelma tiegħek, u dawl fil-mogħdija tiegħi” (Salm 119:105) Mela Ġesù qed jgħid li l-kelma ta’ Alla qiegħda hemm biex aħna nwassluha, mhux biex naħbuha, biex aħna nistgħu nxandruha ħalli tagħti d-dawl lin-nies. Jekk aħna, minflok inwassluha, naħbuha – kultant anke minħabba ċ-ċirkustanzi tal-ħajja jew minħabba l-mentalità jidhrilna li ma għandniex inwasslu l-kelma ta’ Alla – hemmhekk qed nagħmlu ħażin. Għax il-kelma ta’ Alla għandha tkompli tagħti d-dawl anke meta tkun kelma li tisfida, li tikkritika. Importanti li l-kelma ta’Alla tkun tidher biex tista’ tagħti d-dawl, u li fil-ħajja tagħna qatt ma għandna nippruvaw naħbu din il-kelma ta’ Alla, jew inqegħduha xi mkien fejn ma tidhirx, ma tinħassx, ma titwassalx.
Imbagħad, il-kelma ta’ Alla turina wkoll li meta ngħixuha, il-musbieħ jixgħel hu l-għemil it-tajjeb. Fil-fatt hekk għedna fil-versett ta’ qabel l-Evanġelju – dan huwa l-kliem ta’ Ġesù – “Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet” (Mt 5:16). Mela t-tajjeb għandna nwassluh. Mhux bi ftaħir, biex niftaħru bih, għax kif qal Ġesù: biex nagħtu glorja lil Alla. Imma rridu nwasslu dak li hu tajjeb. Kultant jiġrilna li iktar nikkonċentraw – anke fil-ħajja tal-Knisja – fuq xi ħaġa li hi ħażina, li ma ddoqilniex u ngħidu ħafna fuqha, milli nwasslu t-tajjeb. Fuq il-ħażin għandna ngħidu wkoll biex nirranġawh, imma t-tajjeb għandna nwassluh. U tant hawn tajjeb. Jekk nieħdu biss il-Knisja – imma hemm ukoll tant għaqdiet fis-soċjetà u persuni u gruppi – jekk nieħdu biss il-Knisja, il-ħin kollu, kullimkien, permezz ta’ diversi gruppi, għaqdiet, persuni dedikati, qed tagħmel il-ġid. Aħna għandna nkunu dawk li nwasslu dan biex ikun musbieħ li jixgħel, u ma naħbux it-tajjeb li jsir u nqegħduh fejn ma jidhirx.
Ħa nsemmi eżempju. Ilbieraħ kont preżenti għal quddiesa tat-tfal f’parroċċa, fejn kien hemm ħafna tfal u l-familji tagħhom jiċċelebraw il-quddiesa ftit ġranet qabel ma jibdew is-sena skolastika. Kemm kienet sabiħa l-ġenituri bi tfal, kultant bi tfal żgħar, jieħdu sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni. Kemm kienet ta’ tifsira għat-tfal u għall-familji tagħhom! Din hija xi ħaġa tajba li aħna għandna nwassluha u li ssir f’diversi parroċċi u knejjes f’Malta. Hu musbieħ jixgħel li ma għandniex inqegħduh fejn ma jidhirx imma fejn jidher biex jista’ jagħti d-dawl. Esperjenza oħra, kont f’dawn l-aħħar ġranet l-Albanija għal laqgħa li kien hemm preżenti għaliha mal-50 żagħżugħ u żagħżugħa minn pajjiżi differenti tal-Mediterran, u ltaqgħu – nies ta’ kulturi u fehmiet differenti – biex jaraw kif jistgħu jaħdmu għall-paċi f’post fejn hemm tant konflitti. Jien kont hemm flimkien ma’ numru ta’ Isqfijiet għal jumejn f’dil-ġimgħa tal-laqgħat tagħhom. Kemm kienet sabiħa, pożittiva, bħal musbieħ li jixgħel, kultant anke f’kuntest ta’ dlam! Għandna nwassslu t-tajjeb biex jgħin. Meta aħna nwasslu t-tajjeb, it-tajjeb jinfirex, u nkunu qegħdin nagħmlu l-ġid.
Ġesù jgħid ħaġa oħra fl-Evanġelju llum, meta jgħid: “Ma hemm xejn moħbi li ma għadx jidher, u xejn ma hemm mistur li ma għadx jingħaraf u jinġieb għad-dawl” (Lq 8:17). Ġesù qed jgħid li dak li aħna nagħmlu fil-moħbi, xi ħadd jafu – Alla jafu, anke jekk ħadd min-nies ma jkunu jafuh. Mela kemm it-tajjeb u kemm il-ħażin. Ejja nieħdu t-tajjeb. Jekk aħna nagħmlu xi ħaġa ta’ ġid u ħadd ma jaf, Alla jaf. Japprezza l-ġid li nagħmlu bil-moħbi, fis-
skiet. U l-ħażin ukoll. Jekk aħna naħsbu li nistgħu naħbu l-ħażin li jsir, Alla jaf. Għalhekk,
dal-kliem jgħinna biex quddiem Ġesù jkollna kuxjenza safja. Nitolbuh: għinna biex aħna
nkunu dejjem sinċiera quddiemek f’dak li nagħmlu, ħalli dak li nagħmlu, anke meta
magħmul fis-skiet, bla ħadd ma jaf, ikun dak li hu sewwa, dak li hu xieraq, dak li jogħġob lil Alla.
Nitolbu lill-Mulej illum biex naħdmu, bl-għajnuna tiegħu u bil-qawwa tiegħu, ħalli l-ħajja tagħna tkun bħal musbieħ li jixgħel, li jagħti d-dawl, li jagħmel il-ġid.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju