Il-Papa Benedittu XVI reġa lura lejn il-Vatikan wara pawsa ta’ ftit ġimgħat tul Awwissu għall-mistrieħ f’Castel Gandolfo. Huwa kien qed jindirizza mill-ġdid lill-pellegrini fil-Vatikan, ftit iżjed minn ġimgħa ‘l bogħod minn żjara skedata fil-Libanu. Fir-riflessjonijiet tiegħu wara l-Angelus, il-Papa tkellem dwar it-talb nisrani, bil-punt tat-tluq tiegħu ikun il-ktieb tar-Rivelazzjonijiet, jew kif nafuh, l-Apokalissi. Qal li minkejja li hu ktieb diffiċli, għandu r-rikkezzi tiegħu, sa mill-ewwel versi, meta jgħid li t-talb huwa fuq kollox li wieħed jisma’ lil Alla. Qal li qabel kull talb ta’ ħtieġa, għandna nfittxu li fit-talb infaħħru u nirringrazzjaw ‘l Alla għall-imħabba tiegħu, fil-milja tagħha fl-għotja ta’ Ġesu Kristu b’rigal għas-salvazzjoni tagħna.
L-ewwel parti tar-Rivelazzjonijiet jippreżentana bl-għaqda fit-talb fi tliet fażijiet suċċessivi. L-ewwel minn dawn b’enfasi fuq is-smigħ waqt li Alla jkun ikellimna. It-tieni fażi hi dwar ir-relazzjoni ma’ Kristu li kull ma jmur tiżviluppa. It-tielet fażi dwar il-Knisja fit-talb, li taċċetta l-Kelma t’Alla li tibdilha.
Il-Papa temm jiġbed l-attenzjoni għat-talb flimkien, f’komunita, li qal li jsaħħaħ l-għarfien tas-sinifikat tal-preżenza ta’ Ġesu fostna.