Il-Papa Benedittu XVI qal li fit-talb, għandu jkun hemm iċ-ċertezza tal-preżenza t’Alla. Huwa enfasizza dan il-punt fundamentali meta issokta bis-serje ta’ katekeżi li beda dwar it-talb. Huwa kien qed jindirizza l-udjenza ġenerali ta’ kull nhar t’Erbgħa fi Pjazza San Pietru.
Il-punt tat-tluq kien Salm numru 3, b’riflessjoni dwar il-fidi fil-preżenza t’Alla bħalal-bażi għat-talb.
Is-salm, attribwit għal David, jippreżenta lis-salmista f’kundizzjoni ta’ diffikulta estrema, bit-tentazzjoni ewlenija tipprova tipperswadih li Alla mhux kapaċi jeħilsu mid-diffikulta. Allura,id-diffikulta ta’ nuqqas ta’ fidi. Ikompli l-Papa li “il-bniedem ġust jissupera din il-kriżi, jibqa’ sod fil-fidi tiegħu f’Alla u propju b’dal-mod isib il-ħajja u l-verita fil-milja tagħhom”.
Meta ġie biex jelenka t-tagħlimiet ta’ das-salm għall-ħajja tal-lum, Benedittu XVI qal li “f’ħafna problemi, inkunu ittentati naħsbu li lanqas Alla mhu kapaċi jeħlisna, u li Alla lanqas biss jafna. Pero meta nirreżistu għal dan, insibu lil Alla u nsibu l-milja tal-ħajja”.
Il-vivaċita tal-fidi twassal biex it-tentazzjoni tispiċċa fix-xejn. Jibqa’ il-persuna ma’ Alla.
Il-Papa kompla li “il-Mulej huwa għajn ta’ għajnuna, difiża, salvazzjoni; tarka li tipproteġi lil kull min jafda fih. Il-bniedem mhuwiex iżjed waħdu, anki jekk l-għedewwa tiegħu jidhru invinċibbli. Il-bniedem idur lejn Alla u fil-mument ta’ tbatija, periklu u diffikulta, Alla jkun hemm biex iwieġeb fil-pront. Fil-mument li l-bniedem jesprimi l-fidi tiegħu ma’ dan Alla, Alla jisma. Din hi l-esperjenza fit-talb, fejn il-preżenza t’Alla hi esperjenzata permezz tal-fidi u manifestata fl-azzjoni salvivika t’Alla”.