Fl-udjenza ġenerali ta’ kull nhar t’Erbgħa, din il-ġimgħa l-Papa Benedittu XVI qal li jekk bniedem ma jitlobx regolarment, ma jkunx jista’ jifhem sew l-eżistenza tiegħu u l-iskop ta’ ħajtu. Kuljum, il-bniedem jeħtieġ isib ammont biżżejjed ta’ ħin għat-talb, sabiex jinfetaħ għal Alla, għal dal-vjaġġ ta’ tiftix lil Alla sabiex jidħol f’relazzjoni ta’ ħbiberija miegħu.
L-udjenza tal-Papa kienet iffukata għall-ħajja u t-tagħlim ta’ Santa Tereża ta’ Avila, mistika u duttura tal-Knisja tas-16-il seklu.
Irrefera għall-qaddisa u qal li “tgħallimna nħossu l-għatx għal Alla, ix-xewqa fil-fond ta’ qalbna għal Alla. Kull wieħed u waħda minnha jeħtieġu din il-ħbiberija, li teħtieġ tiġġedded kuljum”.
Il-Papa qal li wara serje ta’ taħditiet ffukati fuq nisa li taw kontribut importanti lill-Knisja fiż-Żminijiet tan-Nofs, qed jibda serje fuq nies bħal Santa Tereża u dutturi tal-Knisja oħra li taw kontribut importanti fil-proċess tal-fehim tad-duttrina nisranija.
Temm jgħid li Santa Tereża hi eżempju tal-ħajja Nisranija f’kull żmien.