Il-Papa Benedittu XVI qal li nies minn kull epoka u f’kull kultura, talbu għax in-nies dejjem irrikonoxxew li fl-univers hemm x’inhu ikbar u ‘l fuq mill-bniedem. Fil-messaġġ li ta fl-udjenza ġenerali ta’ dil-ġimgħa, il-Papa qal li “l-ħajja umana hi taħlita ta’ tajjeb u ħażin, ta’ tbatija mhux mixtieqa u ta’ ferħ u affarijiet sbieħ, li spontanjament u b’mod irreżistibbli jiddereġuna lejn Alla li jagħtina d-dawl u l-qawwa ġewwiena tiegħu” biex isalvana u jassiguralna l-ħajja wara l-mewt.
Taħt ix-xbieha tal-Beatu Papa Ġwanni Pawlu II li għadha mdendla mal-faċċata tal-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan, il-Kap tal-Knisja Kattolika nieda serje ta’ udjenzi dwar it-talb.
“Jeħtieġ nitgħallmu kif ngħixu b’mod iktar profond ir-relazzjoni t’Alla m’Alla, permezz tat-talb. Anki dak avvanzati fil-ħajja spiritwali iħossu kontinwament il-ħtieġa li jitgħallmu jitolbu”.
Il-Papa beda s-serje ta’ riflessjonijiet dwar it-talb billi spjega li eżempji ta’ bosta tentattivi ta’ talb jinstabu saħansitra f’kulturi pagani klassiċi. It-talb fl-Eġittu fl-antik, kien jiffoka fuq il-karba għal għajnuna u fil-Mesopotamja l-antika dan kien ikun karatterizzat ukoll minn tip ta’ ammissjoni ta’ sens ta’ ħtija u tiftix għal ħniena. Il-Papa kompla li l-Griegi fiż-żminijiet antiki, bħal Socrates u Platun kienu għamlu qabża fit-talbiet tagħhom, u minn talbiet għal favuri personali marra għal talbiet t’għajnuna biex iħaddmu sew l-intelliġenza tagħhom u biex jimxu sew f’dak li jagħmlu. Temm jgħid li t-talb tal-pagani fiż-żminijiet antiki kien “juri li l-ħajja umana bla talb, li jiftaħ s-sens ta’ eżistenza għall-misteru t’Alla, tkun ħajja bla sens u mingħajr ebda sens ta’ riferiment”.