Il-Papa Benedittu XVI qed jappella lil dawk kollha li jemmnu biex iqattgħu iktar ħin fit-talb, li hu sejjaħ espressjoni tal-ħtieġa profonda tal-bniedem biex isib is-sens u jifhem.
“Għeżież, ejjew nitgħallmu nqattgħu iżjed ħin m’Alla fit-talb. Ejja nagħrfu li fis-skiet, kapaċi nagħrfu ‘l Alla li wera lilu nnifsu f’Ġesu Kristu; nagħrfu fil-fond ta’ qalbna l-vuċi tiegħu li ssejħilna biex infittxu l-għeruq tal-eżistenza tagħna; biex immorru lil hinn minn kull limitu u ninfetħu għal Alla u għall-imħabba infinita tiegħu”, qal il-Papa.
Meta minn Pjazza San Pietru fil-Vatikan huwa kien qiegħed iwassal dal-messaġġ, Benedittu XVI żied li “min-natura tiegħu, il-bniedem hu reliġjuż…huwa ‘homo religiosus’ bħal ma hu ‘homo spaiens’ u ‘homo faber’.
Qal ukoll li l-bniedem jeħtieġ isib dak id-dawl biex jissodisfa lilu nnifsu bi tweġibiet għal mistoqsijiet marbuta mal-eżistenza tiegħu nnifsu, tweġibiet li ma jsibx fix-xjenza,fil-progress, u għad-dirittura fih stess.