L-Arċisqof t’Armagh u Primattal-Irlanda kollha qal li fl-iskejjel kattoliċi, li wieħed jgħallem lit-tfal kif jitolbu, mhix xi ħaġa addizzjonali, anzi parti essenzjali minn dak li t-tfal għandhom dritt jirċievu. Il-konmferenza organizzata mid-djoċesi ta’ Ossory u li saret Kilkenny indirizzat it-tema “Catholic Schools: Envisioning a Future” u ffukat fuq l-iskejjel kattoliċi.
Sean Brady stieden lil dawk preżenti sabiex iġeddu l-impenn tagħhom għar-rispett u l-promozzjoni tad-dritt tat-tfal fl-iskejjel li jitmexxew u jingħataw formazzjoni f’sens ta’ qima awtentika lejn Alla fil-qafas tat-tradizzjoni kattolika. “Din mhix xi ħaġa addizzjonali għal dak li għandhom jingħataw. It-tfal u l-ġenituri tagħhom għandhom id-dritt jistennew minn skola kattolika li tipprovdi lit-tfal b’formazzjoni serja fit-talb u l-qima lejn Alla”.
Il-Kardinal Brady kompla jappella lill-mexxejja ta’ istituzzjonijiet edukattivi sabiex jirriflettu serjament u b’impenn dwar din il-parti essenzjali tad-dmir lejn it-tfal. Fi kliemu, “skola kattolika mingħajr qima u talb hi kontradizzjoni sħiħa; skola qed tfalli fl-obbligazzjoni fundamentali tagħha lejn il-ġenituri u l-ulied”.
Bħala nies ta’ fidi, temm jgħid il-Kardinal Brady, “irridu nfittxu li nibżgħu għad-dritt li uliedna jsiru jafu u jħobbu lil Alla”.