L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Tiegħek jieklu u jixorbu” (Lq 5:33). Dan hu li l-Fariżej u l-kittieba tagħhom qalu lil Ġesù bl-ilment tagħhom fuq id-dixxipli ta’ Ġesù. Kienu qed jilmentaw meta jqabblu dawn id-dixxipli li “jieklu u jixorbu” mad-dixxipli ta’ Ġwanni u anke tal-Fariżej li kienu “sikwit isumu u joqogħdu jitolbu” (Lq 5:33). Innutaw li l-ilment mhuwiex għaliex dawn jieklu żżejjed, u jixorbu u jkunu fis-sakra. Mhux fuq dan. Imma għaliex huma dehrilhom li l-fatt li dawn jieklu u jixorbu, u ma jarawhomx minn barra jsumu u jitolbu quddiem kulħadd, mhumiex dixxipli denji ta’ xi ħadd li jkun rabbi.

Nafu li Ġesù fl-Evanġelju jiddefendi lid-dixxipli tiegħu u jgħid li qed jagħmlu ħaġa tajba. Jgħid li bħalissa qegħdin miegħu u qed jagħmlu ħaġa tajba. Kollox f’ħinu u f’waqtu. Jasal il-jum meta jkollhom isumu, imma qed jagħmlu tajjeb li jieklu u jixorbu.

Nixtieq li naħsbu ftit fuq dawn iż-żewġ affarijiet li jsemmu l-Fariżej u l-kittieba: is-sawm u t-talb. Fil-ħajja ta’ Ġesù, naraw li t-tnejn li huma kienu importanti għal Ġesù. Is-sawm: nafu li kien għamel żmien twil fid-deżert isum meta ġie ttentat mix-xitan, qabel beda l-missjoni tiegħu. Mela Ġesu kontra s-sawm? Żgur li le! Hu stess sam għal żmien twil. U t-talb? Hawn jgħidu fuq id-dixxipli ta’ Ġwanni u l-Fariżej li “joqogħdu jitolbu”. U Ġesù x’kien jagħmel? Ġesù kien jitlob, anzi kien imur ħafna drabi waħdu fuq għolja jitlob għal ħin twil ħafna. U lid-dixxipli tiegħu għallimhom jitolbu. Mela s-sawm u t-talb fil-ħajja ta’ Ġesù huma importanti.

X’jgħid hawnhekk Ġesù? U x’kienet l-oġġezzjoni ta’ Ġesù quddiem il-Fariżej u wħud mill-kittieb tagħhom? Li dawn għalihom, is-sawm u t-talb kienu mezzi kif jagħmlu wirja quddiem l-oħrajn biex juru li huma qaddisin, li huma nies sew. Fil-fatt l-ilment tagħhom fuq id-dixxipli kien għax ma jarawhomx isumu, u ma jarawhomx jitolbu. Spiċċaw biex, għalhekk, qisu jagħmlu minn dawn spettaklu quddiem in-nies. Fuq dan Ġesù kien ilmenta magħhom anke drabi oħra. Niftakru x’kien qal fuq is-sawm: “Meta ssumu, tqarrsux wiċċkom bħalma jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor għax dawn ikerrhu wiċċkom biex quddiem in-nies jidhru li huma sajmin”. Imma, jgħid Ġesù, “meta tkun sajjem, idlek xagħrek u aħsel wiċċek, biex mhux quddiem in-nies tidher li tkun sajjem imma quddiem Missierek li hu fil-moħbi. U Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu” (Mt 6:17-18). U kien qal hekk ukoll fuq it-talb, kien qal: meta titolbu, toqogħdux tmorru titolbu f’salib it-toroq u fis-sinagogi biex tidhru quddiem in-nies, biex tagħmlu wirja quddiem in-nies. Il-punt importanti li jrid jagħmel Ġesù – dak inhar għaqqad anke ma’ dawn l-għoti tal-karità – hu li s-sawm u t-talb mhumiex qegħdin hemm biex in-nies jarawk issum u jarawk titlob, imma huma mezzi li jressquk aktar lejn Alla. Dak hu l-iskop tagħhom. Mhux għan fih innifsu biex qisek tidher, imma mezzi li jressquk aktar lejn Alla.

Dan hu l-messaġġ importanti għall-ħajja tagħna llum. Ġesù qed jgħidilna: is-sawm huwa importanti, it-talb huwa importanti. Huma mezzi li jgħinuna biex nersqu aktar lejn Alla. U kollox f’ħinu u f’waqtu. Ġesù jfakkarna wkoll li anke l-ħajja normali tagħna, meta nieklu u nixorbu, għandna nieħdu pjaċir b’ikla tajba u b’xorb tajjeb. Niftakru x’kien qal San Pawl fl-Ewwel Ittra tiegħu lill-Korintin, meta qalilhom: “Sew jekk tieklu sew jekk tixorbu, agħmlu kollox għall-glorja ta’ Alla” (1 Kor 10:31). Dak huwa l-iskop: li aħna ngħixu l-ħajja ordinarja, ngħixu bis-serenità, kemm jista’ jkun, u bil-ferħ, u dak li ngħixu nagħmluh għall-glorja ta’ Alla u bil-paċi f’qalbna miegħu.

Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li nagħrfu l-valur tat-talb u l-valur tas-sawm, u nagħrfu li dawn huma mezzi biex iressquna aktar lejh u biex jgħinuna ħalli dak kollu li nagħmlu f’ħajjitna, f’kull waqt tal-ġurnata, nagħmluh tassew għall-glorja tiegħu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju