L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil min jitlobkom, il-għala tat-tama li għandkom. Xi jfisser dan il-kliem, li San Pietru appostlu jikteb fl-ewwel miż-żewġ ittri tiegħu. Qed jgħidilna li fil-ħajja tagħna niltaqgħu ma’ nies li jinnutaw li għandna tama partikolari, mhix tas-soltu. Jistaqsuna, imma għaliex tittamaw?
L-ewwel nett x’inhi t-tama tagħna? It-tama tagħna hi persuna, it-tama tagħna hi Ġesù. It-tama tagħna hi mibnija, mhux xi ħaġa li nixtiequ tiġri, imma ibbażata fuq l-esperjenza ta’ dak li seħħ. Il-Mulej tiġih ħasra u jħenn. Jaħfer id-dnubiet u jsalva fi żmien il-għawġ, u għalhekk l-ewwel qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak jgħidilna, “Intom li tibżgħu mill-Mulej, ittamaw fi ħwejjeġ tajba, fl-hena ta’ dejjem u fil-ħniena. Ħarsu lejn il-ġenerazzjonijiet ta’ dari u araw: min qatt ittama fil-Mulej u kellu għax jistħi?” (Sir 2:9-10)
Nistgħu ngħidu li f’dan il-ġublew li l-Papa Franġisku ddedikah lit-tama, il-Kelma ta’ Alla, fil-festa tal-għażiż San Sebastjan, hi kelma attwali, kelma għażiża. Fl-ewwel qari u fit-tieni qari tal-festa solenni tal-lum, il-Mulej jistedinna nittamaw fih. Imma t-tama mhix bħal min jieħu biljett tal-lotterija u jittama li jirbaħ. It-tama tagħna bħal dik li kellu San Sebastjan. Hi mibnija fuq iċ-ċertezza li Alla jħobb, Alla jsalva u Alla jħenn.
San Sebastjan meta ġie fil-mument tal-prova ma staħax jistqarr quddiem il-bnedmin li hu ma’ Ġesù, ta’ Ġesù u għal Ġesù.
U għalhekk b’realiżmu kbir, il-ktieb ta’ Bin Sirak jgħidilna, “Ħażin għalikom li qtajtu qalbkom għax bla fidi” (Sir 2:13). Il-fidi tagħna hi dik li tbegħedna minn qtigħ il-qalb, li tagħmlilna kuraġġ. Il-kuraġġ ta’ San Sebastjan quddiem il-martirju tiegħu, ma kienx biss il-kuraġġ tal-qlubija ta’ wieħed mis-suldati pretorjani, wieħed mill-membri tal-gwardja pretorjana li kienu l-bodyguards tal-imperatur. Kienu nies magħżula, qalbiena, b’saħħithom, nies ta’ kuraġġ u ta’ fiduċja.
Nistgħu ngħidu li f’San Sebastjan kien hemm dawn il-virtujiet naturali. Imma quddiem il-martirju, il-qlubija ta’ San Sebastjan kienet ġejja mill-fidi tiegħu f’Ġesù. Kienet il-fidi tiegħu li ġegħlitu jitkellem fuq il-Mulej ma’ sħabu, li waslitu għall-arrest, id-denunzja u l-kundanna għall-mewt. Imma kienet ukoll din il-fidi li hu kien strument ta’ fejqan, dak li għamel l-għeġubijiet kemm f’ħajtu u kemm wara mewtu. Mhux ta’ b’xejn fl-innu popolari nsellmulu ‘Taumaturgi’, dak li jagħmel l-għeġubijiet. Imma l-għeġubijiet li naraw fih l-ewwel nett, huma dak li Alla għamel f’San Sebastjan permezz tal-ħniena tiegħu, meta ħaslu minn dnubietu fil-magħmudija, u bis-sagrament ta’ rikonċiljazzjoni. Min jaf kemm-il darba San Sebastjan bħalma jagħmel lili u lilek, jaħslu minn dnubietu. Kemm-il darba! U San Sebastjan ta’ bniedem bħalna li kien, tgħallem jittama fil-Mulej. Il-Mulej li jaħfer id-dnubiet u jsalva fi żmien il-għawġ. Mela meta xi ħadd jistaqsik, ‘Imma int, għaliex fl-2025, għadek Nisrani, għadek fil-Knisja, għadek devot ta’ San Sebastjan? Dawn mhux affarijiet tal-antik? X’inhi t-tama tiegħek? Il-għala t-tama tiegħek?’
Jiena nirrispondih f’kelma waħda: Ġesù. Għalhekk aħna nsellmu u nqimu lil Sebastjan bħala l-martri ta’ Kristu, ta’ Ġesù Nazzarenu, sultan tal-Lhud. Fih ittama Sebastjan u fih aħna ttamajna wkoll bl-interċessjoni tiegħu.
Ir-raħal ta’ Ħal Qormi skopra l-interċessjoni qawwija ta’ San Sebastjan, mhux biss fl-1813, imma matul is-sekli. Meta kien milqut għal darba darbtejn, min jaf kemm-il darba bil-pesta, bil-pjaga tal-mard li jittieħed. Fil-ħajja tagħna wkoll tlabna l-interċessjoni ta’ San Sebastjan waqt il-pandemija tal-Covid. Imma lil San Sebastjan illum, f’dan il-ġublew tat-Tama, nitolbuh li jgħallimna li t-tama tagħna mhix kelma, mhix ktieb, mhix idea, imma hi persuna: Ġesù. “Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi,” jgħid Ġesù, “jien ukoll nistqarr li jiena miegħu, quddiem Missieri li hu fis-smewwiet” (Mt 10:32,33). San Sebastjan meta ġie fil-mument tal-prova ma staħax jistqarr quddiem il-bnedmin li hu ma’ Ġesù, ta’ Ġesù u għal Ġesù.
Aħna x’se nagħmlu meta fil-mument tal-prova niġu quddiem l-għażliet tal-ħajja? Ejjew nitolbu l-interċessjoni ta’ San Sebastjan, biex aħna u nilqgħu d-don tal-maħfra ta’ dnubietna u l-ħelsien mit-tpattija sħiħa u totali ta’ dnubietna, ikollna dan il-ġublew tat-Tama, ma nibżgħux, b’kuraġġ u b’umiltà nistqarru li aħna ta’ Ġesù, ma’ Ġesù u għal Ġesù.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta