L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Kollox bih sar u xejn ma sar mingħajru; kulma sar kellu l-ħajja fih” (Ġw 1:3). “Il-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin, dawl jiddi fid-dlam” (Ġw 1:4). Dan il-kliem li jibda u jintroduċi l-Evanġelju skont San Ġwann u li l-Knisja taqra f’dawn l-aħħar 2000 sena meta tfakkar it-twelid ta’ Ġesu fil-quddiesa ta’ jum il-Milied, jiġbru il-valuri prinċipali li aħna qegħdin niċċelebraw. 

Ilna nistennewha dil-ġurnata u ta’ min nieqfu u nistaqsu lilna nfusna: imma għaliex din iċ-ċelebrazzjoni kollha? Għaliex dak kollu li nagħmlu biex nifirħu flimkien, nuru sentimenti ta’ għożża għal xulxin? B’xi mod nkunu rigal għal xulxin, b’xi mod qegħdin nimitaw il-valuri sbieħ li jħabbar il-prologu, dawn l-ewwel kelmiet tal-Evanġelju ta’ San Ġwann. Imma llum irridu wkoll nifmhu, nixtarru u nammettu li l-ħajja li hemm fina, il-ħajja li hija tant sabiħa u li niċċelebraw ġejja minnu, “kulma sar kellu l-ħajja fih” (Ġw 1:3). U kull min japprezza l-ħajja  jersaq lejn Ġesu bħal kull min jixtieq kultura tal-mewt, jitbiegħed minnu.

Aħna llum nifirħu b’dan id-dawl jiddi fid-dlam, nifirħu bid-don tal-ħajja. U nifmhu wkoll li l-ħajja kultant tgħaddina minn żmien ta’ diffikulta, ta’ dulur, ta’ mard, ta’ firda. Kultant tgħaddina wkoll mill-umiljazzjoni, ta’ jasar li nkunu ġibna b’idejna. Illum hemm aħbar tajba għal kull wieħed u waħda minna. Il-Mulej ġie dawl fid-dlam. U l-għażla hija tagħna jekk nilqgħuhx jew le. 

Dan l-ewwel kliem tal-Evanġelju skont San Ġwann jammetti wkoll li huwa “ġie fid-dinja, kien fid-dinja u d-dinja saret bih imma d-dinja ma għarfitux, ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx” (Ġw 1:10). Hemm ukoll din id-dilemma, hemm ukoll dan il-periklu li l-Mulej jiġi fostna u aħna nagħtuh darna, inwarrbuh minn qalbna, nagħżlu valuri jew diżvaluri oħra. “Imma lil dawk li laqgħuh”, jgħid l-Evanġelju li għadna kemm smajna, “tagħhom is-setgħa li jsiru ulied Alla (Ġq 1:12), ulied l-imħabba, ulied il-ħniena, ulied il-ħajja vera, ulied id-dawl. 

Aħna x’se nagħżlu? Jekk aħna fid-dlamijiet tal-ħtija tagħna, jekk aħna fid-dlamijiet ta’ qtiegħ il-qalb, jekk aħna fid-dlamijiet tal-jasar tagħna, ejjew nintrefgħu bil-ħniena tal-Mulej, ejjew inħarsu lejn it-tarbija fil-maxtura ta’ Betlehem u nieħdu r-ruħ għax hu sid il-ħajja u d-dawl ta’ kull bniedem. Ejjew nixxenqu li naraw il-glorja tiegħu, il-glorja li hija frott l-imħabba tiegħu għax “lil Alla għadu ħadd ma rah” imma għarrfitulna dik it-tarbija ċkejkna ta’ Betlehem, “għarrafulna l-Iben waħdieni ta’ Alla li hu fi ħdan il-Missier” (Ġw 1:18), it-tarbija, iben Marija ta’ Nazaret li llum jitwieled biex aħna nieħdu r-ruħ.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 52:7-10
Salm: 97(98):1,2-3ab,3ċd-4,5-6
Qari II: Lhud 1:1-6
L-Evanġelju: Ġw 1:1-18