• L-Ewwel Qari

    Mill-Ktieb tal-Eżodu 20:1-17

    Alla kellimhom u qalilhom dan kollu: “Jiena hu l-Mulej, Alla tiegħek, li ħriġtek mill-art ta’ l-Eġittu, minn dar il-jasar.

    “Ma jkollokx allat oħra għajri. La tagħmilx għalik suriet minquxa u ebda xbieha ta’ ebda ħaġa li hemm fl-għoli  tas-sema, jew isfel fl-art, jew fil-baħar taħt l-art. La tmilx quddiemhom: la tadurahomx għaliex jiena hu l-Mulej Alla tiegħek, Alla għajjur, li npatti l-ħażen tal-missirijiet fuq l-ulied sat-tielet u r-raba’ ġenerazzjoni lil dawk li jobogħduni; imma nagħder sa l-elf nisel lil min iħobbni u jżomm il-kmandamenti tiegħi. “La ssemmix l-isem tal-Mulej, Alla tiegħek, fix-xejn: għaliex lil min isemmi l-isem tiegħu fix-xejn, il-Mulej ma jħallihx bla kastig.

    “Ftakar f’jum is-Sibt u qaddsu. Sitt ijiem taħdem u tagħmel kull ma għandek tagħmel; imma s-seba’ jum hu jum il-mistrieħ f’ġieħ il-Mulej, Alla tiegħek. Dan il-jum ma tagħmel ebda xogħol, int, ibnek, il-qaddej u l-qaddejja tiegħek, il-bhejjem tiegħek, u l-barrani li jkun ġewwa bwiebek. Għax f’sitt ijiem il-Mulej għamel s-smewwiet u l-art; il-baħar u kull ma hemm fihom, u strieħ fis-seba’ jum. Għalhekk il-Mulej bierek is-seba’ jum u qaddsu.

    “Weġġaħ lil missierek u lil ommok, sabiex jitkattru jiemek fuq l-art li l-Mulej, Alla tiegħek, jagħtik.

    “La toqtolx.

    “La tagħmilx adulterju.

    “La tisraqx.

    “La tagħtix xhieda giddieba kontra għajrek.

    “La tixtieqx dar għajrek: la tixtieqx il-mara ta’ għajrek, il-qaddej jew il-qaddejja tiegħu, l-għoġol jew il-ħmar tiegħu, u xejn minn kull ma għandu għajrek.”

    Salm Responsorjali

    Salm 19(18):8.9.10.11

    Il-liġi tal-Mulej perfetta, u tagħti l-ħajja;

    ix-xhieda tal-Mulej  hi sewwa, u tgħallem lil min ma jafx.

    Il-preċetti tal-Mulej dritti, u jferrħu l-qalb;

    il-kmandament tal-Mulej safi, u jdawwal l-għajnejn.

    Il-biża’ tal-Mulej sinċier, u jibqa’ għal dejjem;

    il-ġudizzji tal-Mulej sewwa, u mseddqa għalkollox;

    egħżeż mid-deheb, mid-deheb l-aktar fin,

    oħla mill-għasel u mill-qtar tax-xehda.

    It-Tieni Qari

    Mill-Ewwel Ittra lill-Korintin 1:22-25

    Ħuti, Għax il-Lhud jitolbu s-sinjali, u l-Griegi jfittxu l-għerf, imma aħna nxandru ‘l Kristu msallab, skandlu għal-Lhud u bluha għall-Griegi; iżda għal dawk li huma msejjħin, sew Lhud sew Griegi, Kristu huwa l-qawwa ta’ Alla u l-għerf ta’ Alla. Għax il-bluha ta’ Alla hija għarfa iktar mill-bnedmin, u d-dgħufija ta’ Alla hija aqwa mill-bnedmin.

    L-Evanġelju

    San Ġwann 2:13-25

    Kien qorob l-Għid tal-Lhud, u Ġesù tela’ Ġerusalemm. Fit-tempju sab min qiegħed ibigħ barrin, nagħaġ u ħamiem, u min kien bilqiegħda jsarraf il-flus. Għamel sawt mill-ħbula, u keċċiehom ilkoll ‘il barra mit-tempju, bin-nagħaġ u l-barrin tagħhom; xerred il-flus ta’ dawk li kienu jsarrfu, u qalbilhom l-imwejjed. U lill-bejjiegħa tal-ħamiem qalilhom: “Warrbu dawn minn hawn, u dar Missieri tagħmluhiex dar tan-negozju!” Id-dixxipli ftakru f’dak li kien hemm miktub fl-Iskrittura, “Il-ħeġġa għal darek fnietni.’ Mbagħad il-Lhud qabdu u qalulu: “X’sinjal se turina li inti tista’ tagħmel dan?” Ġesù weġibhom: “Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem nerġa’ ntellgħu.” Għalhekk il-Lhud qalulu: “Dan it-tempju ħa sitta u erbgħin sena biex inbena, u int se ttellgħu fi tlitt ijiem?” Iżda hu tkellem fuq it-tempju tal-ġisem tiegħu. Meta mbagħad qam mill-imwiet, id-dixxipli tiegħu ftakru f’dan li kien qal, u emmnu fl-Iskrittura u fil-kliem li kien qal Ġesù. Waqt li kien Ġerusalemm għall-festa ta’ l-Għid, kien hemm ħafna li emmnu f’ismu billi raw is-sinjali li kien jagħmel. Imma Ġesù, min-naħa tiegħu, ma kienx jafda fihom, għax hu kien jaf lil kulħadd u ma kellux bżonn min jagħtih xhieda fuq il-bniedem, għax hu stess kien jaf x’hemm fil-bniedem.