‘L’infanzia di Gesu’ huwa t-tielet volum tat-triloġija tal-Papa Benedittu XVI iddedikata lil Ġesu ta’ Nażaret. Dan se jkun aċċessibbli mil-librara Taljani mill-jum tal-Erbgħa 21 ta’ Novembru. Il-ktieb ippubblikat minn Rizzoli flimkien mad-Dar tal-Pubblikazzjonijiet tal-Vatikan, se jkun imniedi simultanjament f’lingwi oħra f’ħamsin pajjiż. Il-lingwi jinkludu t-Taljan, il-Ġermaniż, il-Franċiż, l-Ingliż, il-Protuġiż u l-iSpanjol. Fix-xhur li ġejjin hu mistenni li jsiru traduzzjonijiet f’għoxrin lingwa oħra għall-pubblikazzjoni fi 72 pajjiż.
Il-ktieb kien ippreżentat lill-media bil-kelliema jinkludu lill-President tal-Kunsill Pontifiċju tal-Kultura, il-Kardinal Gianfranco Ravasi u d-Direttur tal-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede, Patri Federico Lombardi, ġiżwita. Il-ktieb ta’ 176 paġna, jiġbor erba’ kapitli, epilogu u daħla.
L-ewwel kapitlu hu ddedikat lill-ġenaoloġiji tas-Salvatur fil-vanġeli ta’ Mattew u Luqa. It-tieni kapitlu għandu bħala tema t-tħabbira tat-twelid ta’ Ġwanni l-Battista u ta’ Ġesu. It-tielet kapitlu hu ċċentrat fuq il-ġrajja ta’ Betlehem u l-kuntest storiku tat-twelid ta’ Ġesu u l-aħħar kapitlu hu ddedikat lit-tliet Slaten Maġi.