Il-paċi.
Fejn se mmorru biex insibu l-paċi? Forsi xi wħud jgħidu fil-kampanja, waqt sessjoni tal-gym, f’xi mixja sal-quċċata ta’ muntanja, waqt logħba sportiva, waqt li qed naraw it-televiżjoni wara ġurnata twila, waqt li qed ngħumu fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu, jew nisimgħu l-mużika.
Tkun xi tkun is-sitwazzjoni tiegħek waqt li qed taqra dan l-artiklu, nistiednek tieħu ftit minuti u tipprova dan l-eżerċizzju.
Poġġi lilek innifsek fi kwalunkwe sitwazzjoni li tiġi f’moħħok meta nsemmu ‘il-paċi’.
Immaġina dak kollu li tkun qed tara, tisma’, ittiegħem. Forsi tara l-ilwien oranġjo ta’ tlugħ ix-xemx, il-mewġ iħabbat ma’ xatt il-baħar, il-magni tal-ġinnasju, iz-zkuk jinkisru taħt il-passi tiegħek fil-kampanja, ir-riħa ta’ ħaxix frisk wara xita tal-ħarifa, il-melħ tal-baħar.
Ħoss dak li tkun qed tħoss f’din is-sitwazzjoni.
Agħlaq għajnejk għal minuta u sir il-persuna li tkun f’dan il-mument li kieku kellek tieħu lilek innifsek għal dan ix-xenarju ta’ paċi li qed timmaġina lilek innifsek fih.
Issa poġġi lilek innifsek lura fir-realtà.
Kemm tinsab ’il bogħod milli tħoss dawk l-istess sentimenti mingħajr ma jkollok tieħu lilek innifsek f’dak il-post u minflok tesperjenzahom minn fejn qiegħed bħalissa? X’għandek bżonn tbiddel f’ħajtek biex tkun tista’ tasal hemm faċilment u kull meta jkollok bżonn?
Dak li esperjenzajt huwa ‘serenità’ u ‘kalma’. Dawn huma sentimenti li jinħolqu mid-deċiżjonijiet li nieħdu f’ħajjitna u l-azzjonijiet li naddottaw biex nagħżlu l-prijoritajiet tagħna aħjar. Dawn is-sentimenti jiddependu minn dak li jinsab madwarna, fatturi esterni f’ħajjitna li naħsbu li se jagħtuna l-paċi iżda li ma jkunux qed irawmu il-’paċi’ li lkoll nixtiequ ġewwa fina. Dawn is-sentimenti li qed insemmu mhumiex ‘paċi’ jew għall-inqas mhux il-paċi li nixtiequ. Qed nitkellmu fuq ‘serenità’ jew ‘kalma. Nistgħu nkunu għaddejjin fir-rutina tal-ħajja, nagħmlu dak kollu li jista’ jġib il-kalma f’ħajjitna, u xorta ma jkollniex paċi f’qalbna. Li nieħdu deċiżjoni li nevalwaw ħajjitna u neliminaw tendenzi, sitwazzjonijiet, nies u fatturi li jistgħu jkunu qed jikkontribwixxu għan-nuqqas ta’ kalma huwa pass fid–direzzjoni t-tajba.
Imma għaliex ma mmorrux pass aktar ’il quddiem dan l-Avvent?
Ġesù jwegħedna li jista’ jagħtina mhux biss il-mistrieħ imma wkoll il-paċi li ma nistgħux nifhmu. Meta nagħżlu li nqattgħu ħin ma’ Alla u li nkunu fil-preżenza tiegħu, ma nistgħux niġu għandu mingħajr dak kollu li nkunu qed inġorru f’qalbna u l-piż li tant iħobb jibqa’ fuq spallejna. Aħna mistiedna li niġu b’qalb miftuħa u nagħtuh dak kollu li qed itaqqalna sabiex insibu l-paċi. Kif nistgħu nagħmlu dan fil-prattika? Li niġu b’qalb miftuħa biex nesperjenzaw il-paċi jfisser li nkunu sinċiera ma’ Alla, ma’ dawk ta’ madwarna u magħna nfusna. Jista’ jkollna qalb miftuħa meta, minflok ma nbiddlu jew nevitaw il-verità tar-realtà tagħna, insiru sinċiera f’dak kollu li nagħmlu, dak kollu li nkunu qed inħossu, dak kollu li nixtiequ u dak li għamilna.
Li nkunu miftuħa biex nirċievu l-paċi ma jfissirx li mhux se jkollna problemi xi nsolvu, jew li se ningħataw xi biljett tad-deheb biex nevitaw id-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom ta’ kuljum. Pero, Ġesù joffrilna l-paċi li tgħinna ngħixu dawn il-mumenti bħallikieku Alla qed iġorrna bi mħabba u sagrifiċċju. Huwa lest li jżommna magħqudin miegħu waqt li qed niġġieldu kontra l-kaos ta’ ħajjitna.
“Jiena nagħtikom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’.” Ġwanni 14:27
Il-paċi li jġib Ġesù f’ħajjitna tgħinna negħlbu t-taqlib li jinsab ġewwa qalbna u madwarna, tgħinna nagħrfu x’inhu jiġri u nemmnu li Hu jaf kollox. Il-fiduċja li jista’ jkollna f’Ġesù hija dik li tippermittilna naċċettaw il-paċi tiegħU li tant irid iberikna biha. Li nafdaw lil Ġesù mhux faċli u titlob kuraġġ speċjalment meta jidher li kollox ikun sejjer ħażin. Madanakollu nafu li Huwa jżomm il-wegħdiet tiegħU, u anki meta ma nkunux qed nifhmu għaliex, nemmnu li Huwa qed imexxina iħobbna. Din hi l-assigurazzjoni li tagħmilha possibli għalina li naċċettaw il-paċi li tant lest jagħtina.
Nistgħu ngħaddu mill-agħar diffikultajiet u mill-aktar sitwazzjonijiet diffiċli, u xorta nħossu sens profond ta’ paċi għax nafu li qed jieħu ħsiebna il-Ħallieq li Hu akbar mill-problemi tagħna.
Missier Qaddis, nitolbok tiġi fil-qalba tad-diffikultajiet u l-biżat tal-ħajja, u imliena bil-paċi tiegħek, bħalma għamilt mal-Appostli meta kienu miġbura mbeżżgħa u mħawda. (JN20:19)
Spirtu Qaddis, agħtini r-rieda li nkun sinċier, niftaħ qalbi għalik u nilqa’ l-paċi tiegħek.
Miktub minn Sarah Zammit Munro u Evan Demicoli