• I Qari
    Mill-Ktieb ta’ Iżaija 40:1-5.9-11

    “Farrġu, farrġu l-poplu tiegħi,”
    jgħid Alla tagħkom.
    Kellmu lil qalb Ġerusalemm u għidulha
    li ntemm il-jasar tagħha,
    tħallset ħżunitha,
    ħadet mingħand il-Mulej
    darbtejn għal dnubietha kollha.
    Leħen jgħajjat:
     
    “Ħejju t-triq għall-Mulej fid-deżert,
    wittu għal Alla tagħna mogħdija fix-xagħri.
    Jintradam kull wied,
    u jitniżżlu l-muntanji u l-għoljiet;
    kull art imħabbta titwitta
    kull art imħarbta ssir maqgħad.
     U tfiġġ il-glorja tal-Mulej,
    u l-bnedmin jarawha lkoll f’daqqa,
    għax fomm il-Mulej tkellem.”

     Itla’ fuq il-muntanja għolja,
    int li ġġib il-bxara t-tajba lil Sijon;
    għolli leħnek bil-qawwa kollha,
    int li tagħti l-aħbar it-tajba lil Ġerusalemm;
    għajjat, la tibżax.
    Għid lill-ibliet ta’ Ġuda:
    “Hawn hu Alla tagħkom!”
    Hawn hu Sidi l-Mulej,
    li ġej bil-qawwa,
    u jaħkem bil-qawwa ta’ driegħu.
    Hawn hu bi ħlasu miegħu,
    u r-rebħa tiegħu quddiemu.
    Bħal ragħaj li jirgħa l-merħla tiegħu;
    bi driegħu jiġmagħha,
    u l-ħrief fi ħdanu jerfagħhom;
    u n-nagħaġ ireddgħu bil-mod imexxihom.

    Salm Responsorjali
    Salm 85(84):9ab-10.11-12.13-14

    Ħa nisma’ xi jgħid Alla;
    il-Mulej is-sliem ixandar,
    Qrib hi tassew is-salvazzjoni tiegħu
    għal dawk li jibżgħu minnu,
    biex jgħammar is-sebħ f’artna.

     It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu,
    il-ġustizzja u s-sliem jitbewwsu.
    [S:85:12] Il-fedeltà mill-art tinbet,
    u l-ġustizzja mis-sema tixref.

    Il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu,
    u artna tagħti l-frott tagħha.
    Il-ġustizzja quddiemu timxi,
    u s-sliem fuq il-passi tiegħu.

    II Qari
    Mit-Tieni Itta ta’ San Pietru 3:8-14

    ​Dan għandkom tkunu tafu, ħuti għeżież: li quddiem il-Mulej jum wieħed hu bħal elf sena, u elf sena bħal jum wieħed. Mhux għax jiddawwar il-Mulej li jtemm il-wegħdiet tiegħu, kif jaħsbu xi wħud, imma qiegħed jistabar bikom għax ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-indiema. Jasal, tabilħaqq, Jum il-Mulej bħal ħalliel; jintemmu mbagħad is-smewwiet bi ħsejjes kbar, jinħallu bin-nar l-elementi tad-dinja, u l-art b’kull ma fiha tkun maħruqa min-nar. Ladarba hekk kollox għandu jintemm, araw daqsxejn kif għandkom iġġibu ruħkom, kemm għandha tkun qaddisa u tajba ħajjitkom, waqt li tistennew b’ħerqa kbira l-miġja tal-Jum ta’ Alla. Hu minħabba f’dan il-Jum li s-smewwiet jinħarqu u jinħallu, u l-elementi tad-dinja jinqerdu bin-nar. Imma aħna, skond il-wegħda tiegħu, nistennew smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom tgħammar il-ġustizzja. Għalhekk, ħuti għeżież, waqt li nistennew dan kollu, qisu li jsibkom fis-sliem, bla tebgħa u bla dnub.​

    L-Evanġelju
    Saint Mark 1:1-8

    Il-Bidu ta’ l-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu l-Iben ta’ Alla. Bħalma hu miktub fil-ktieb ta’ Isaija l-profeta,

        ‘Ara, jien nibgħat qablek il-ħabbâr
         tiegħi biex iħejji triqtek.
         Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert:
         Ħejju t-triq tal-Mulej,
         iddrittaw il-mogħdijiet tiegħi,’

    hekk Ġwanni deher jgħammed fid-deżert u jxandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet.  U kienet tmur għandu l-Lhudija kollha u n-nies kollha ta’ Ġerusalemm, jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan waqt li jistqarru dnubiethom. Ġwanni kien jilbes libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u kien jiekol ġradijiet u għasel selvaġġ. U kien ixandar u jgħid: “Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu. Jiena għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidtkom bl-Ispirtu s-Santu.”