L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P, is-Sibt 25 ta’ Settembru, 2010 ta bidu għal Żjara Pastorali fl-Imġarr. Din hija t-tieni sena fil-programm ta’ żjarat pastorali mifruxa fuq perjodu ta’ ħames snin. L-għan ewlieni ta’ dawn iż-żjarat hu li l-Arċisqof jiltaqa’ direttament man-nies fil-parroċċi u ma’ dawk li jagħtu servizz lill-Knisja. Wara ż-żjara Pastorali fl-Imġarr, l-Arċisqof se jżur il-parroċċi tal-Mosta u l-Għargħur.
Bejn Ottubru 2009 u Ġunju 2010, l-Arċisqof żar 12-il parroċċa differenti. Dawn kienu: Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Żejtun, Marsaxlokk, Birżebbuġa, Ħal Tarxien, Santa Luċija, Qawra, Burmarrad, Ħal Għaxaq, Manikata u Birkirkara (Sant’Elena).
F’dawn iż-Żjarat Pastorali l-Arċisqof ltaqa’ mar-rappreżentanti tas-soċjeta’ ċivili ta’ kull lokalita’ u ma’ għaqdiet lokali tal-Knisja fosthom mal-membri ta’ kummissjonijiet li l-ħidma tagħhom hija marbuta mal-animazzjoni tal-Quddies u s-Sagramenti, mat-tagħlim tal-fidi miż-żgħar sal-kbar, mal-għajnuna soċjali li kull parroċċa tagħti lil persuni fil-bżonn, mal-ħidma li ssir maż-żgħażagħ, u mal-miżżewġin u l-familji tagħhom. L-Arċisqof ltaqa’ wkoll ma’ tfal li jattendu l-iskejjel primarji statali u ċ-ċentri ta’ tagħlim nisrani fil-parroċċi, mal-adolexxenti u ż-żgħażagħ, kif ukoll ma’ kategoriji speċifiċi bħal ma huma bdiewa, sajjieda u professjonisti.
Wara kull żjara pastorali l-Arċisqof ħejja messaġġ li jiġbor fiħ il-prijoritajiet li l-parroċċa għandha taħdem fuqhom. Dan il-messaġġ inqara fil-Quddies tal-parroċċa fi tmiem il-ġimgħa flimkien ma’ rapport dettaljat li jinkludi numru ta’ proposti konkreti. Dan ir-rapport li jitħejja mis-Segretarjat Pastorali jagħti stampa ċara ta’ kull parroċċa u ta’ kif jistgħu jiffunzjonaw aħjar ir-riżorsi umani u materjali disponibbli fid-diversi oqsma tal-ħajja tal-parroċċa.
Fost diversi iniżjattivi li ttieħdu b’riżultat taż-Żjarat Pastorali tal-Arċisqof hemm studju tas-sitwazzjonijiet ta’ dawk il-familji li għandhom bżonnijiet soċjali u l-mod kif il-Knisja tista’ tkompli tagħti appoġġ lil dawn il-persuni; iniżjattivi fil-parroċċi tan-naħa ta’ fuq ta’ Malta bil-għan li jintlaħqu aħjar il-barranin u turisti li jiffrekwentaw dawn il-parroċċi; iniżjattivi li għandhom jaraw kif il-Knisja tista’ tagħti appoġġ lill-bdiewa; laqgħat ta’ djalogu mal-professjonisti dwar realtajiet li jolqtu diversi oqsma. Minbarra dawn l-iniżjattivi, l-Arċisqof iħeġġeġ u jagħti direzzjoni lil dawk li għandhom responsabbilta’ li jġibu ‘l quddiem il-ħajja fil-parroċċa.
Kien fil-bidu tal-episkopat tiegħu, tliet snin ilu, li l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. wera x-xewqa li jżur il-parroċċi kollha ta’ Malta. Sallum l-Arċisqof żar 27 parroċċa minn total ta’ 70 parroċċa.