Il-Kardinal Peter Kodwo Appiah Turkson, President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi qal li “irġiel, nisa u tfal qed jgħixu ta’ kuljum f’kundizzjonijiet li jammontaw għal skjavitu, meta jinbigħu u jinxtraw daqslikieku kienu prodotti, bid-dinjita umana tagħhom tispiċċa degradata fl-agħar livelli minn kriminali bla skrupli, li jimlew bwiethom mit-traffikar u l-isfruttar tal-persuni”. Dan id-diskors qalu waqt konferenza internazzjonali dwar it-traffikar tal-persuni, liema konferenza fil-Vatikan iffukat fuq ir-rwol tal-Knisja fil-prevenzjoni minn din il-problema, kif ukoll fil-kura pastorali tal-vittmi u r-ri-integrazzjoni tagħhom fis-soċjeta. L-għan tad-diskussjonijiet kien li jissottolineaw l-kontribut importanti li l-Knisja tista’ toffri lill-komunita internazzjonali fil-ġlieda kontra l-kriżi ‘terribbli’, li tolqot mal-biljun kattoliku madwar id-dinja. Il-Konferenza tal-Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u Paċi, kienet organizzata mill-Uffiċċju tal-Politika tal-Migrazzjoni fi ħdan il-Konferenza Episkopali tal-Ingilterra u Wales.