-
-
Fl-okkażjoni annwali tal-Jum Dinji tat-Turiżmu, li jiġi ċelebrat kull 27 ta’ Settembru, il-Knisja tingħaqad mas-soċjetà ċivili fl-indirizzar ta’ dan il-fenomenu, konvinta li kull attività umana ġenwina għandha ssib postha fi qlub id-dixxipli ta’ Kristu.
Għall-ewwel darba, dan il-messaġġ qed jinħareġ mid-Dikasteru għas-Servizz ta’ Żvilupp Uman Sħiħ, li huwa dikasteru ġdid, bħala parti mill-missjoni tiegħu.
L-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda ipproklamat l-2017 bħala s-Sena Internazzjonali tat-Turiżmu Sostenibbli għall-Iżvilupp. B’mod opportun, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tat-Turiżmu mxiet fl-istess linja u bħala tema għal din is-sena għażlet dik ta’ Turiżmu Sostenibbli: għodda għall-Iżvilupp.
Meta aħna ngħidu turiżmu, inkunu qed nitkellmu dwar fenomenu ta’ importanza mill-akbar, kemm fid-dawl tan-numru ta’ nies involuti (vjaġġaturi u ħaddiema) u tal-ħafna benefiċċji li huwa jista’ jġib għas-soċjetà (ekonomiċi, kulturali u soċjali), kif ukoll fil-kontest tar-riskji u l-perikli li huwa jista’ jnissel f’bosta oqsma.
Skont l-iktar Barometru riċenti tal-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu, dak għas-sena 2016, in-numru internazzjonali ta’ wasliet turistiċi huwa ta’ madwar 1.2 biljun. Fid-dinja kollha, dan il-qasam għandu sehem ta’ 10% fil-Prodott Domestiku Gross (GDP) u 7% tal-esportazzjoni totali, filwaqt li 1 minn kull 11-il impjieg huma fit-turiżmu. Għaldaqstant, it-turiżmu jokkupa post importanti fl-ekonomiji tal-istati individwali u fl-għażliet politiċi li jiffokaw fuq żvilupp inklussiv u fuq is-sostenibilità tal-ambjent fid-dinja.
It-turiżmu jista’ jkun għodda importanti għat-tkabbir tal-ġid u l-ġlieda kontra l-faqar. Madankollu, skont it-tagħlim soċjali tal-Knisja, l-iżvilupp veru “ma jistax jiġi ristrett għat-tkabbir ekonomiku waħdu”. Fil-fatt, “biex ikun awtentiku, irid ikun integrali”; jiġifieri, “irid ikun iħabrek għall-iżvilupp ta’ kull bniedem u tal-bniedem sħiħ”, kif tinnota l-Enċiklika Populorum progressio (26 ta’ Marzu, 1967). F’dan ir-rigward, il-Papa Pawlu VI saħaq fuq il-ħtieġa li jinġieb ’il quddiem “umaneżmu plenarju”, inklużi l-ħtiġiet materjali u spiritwali fl-iżvilupp sħiħ ta’ kull persuna fid-dinjità. Għoxrin sena wara, fl-1987, l-organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda introduċiet il-kunċett tal-iżvilupp sostenibbli bħala żvilupp li “jlaħħaq mal-ħtiġiet tal-preżent mingħajr ma jikkomprometti l-possibbiltà tal-ġenerazzjonijiet futuri li jlaħħqu mal-ħtiġiet tagħhom stess”. Għall-Knisja, il-kunċett ta’ integralità, meta marbut mal-espressjoni ta’ żvilupp uman, jinkludi wkoll l-idea tal-Ġnus Magħquda dwar sostenibilità, u jħaddan l-aspetti kollha tal-ħajja: soċjali, ekonomiċi, politiċi, kulturali, u spiritwali, b’mod li jagħmilhom elementi f’sintesi waħda: il-persuna umana.
L-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu applikat dawn l-ideat biex tmexxi ’l quddiem it-turiżmu sostenibbli. Dan ifisser li t-turiżmu jrid ikun responsabbli u mhux qerriedi jew ta’ dannu għall-ambjent jew għall-kontest soċjo-kulturali tal-lokalità.
Barra minn hekk, irid jirrispetta b’mod partikolari lill-popolazzjoni u l-wirt tagħha, bil-ħsieb li jiġu mħarsa d-dinjità personali u d-drittijiet tax-xogħol, speċjalment dawk tal-iktar żvantaġġjati u n-nies vulnerabbli. Żmien il-vakanzi ma jistax ikun skuża għan-nuqqas ta’ responsabbiltà jew għall-esplojtazzjoni: fil-fatt, huwa żmien nobbli li fih kulħadd jista’ jżid il-valur tal-ħajja tiegħu stess u dik ta’ oħrajn. It-turiżmu sostenibbli huwa wkoll għodda ta’ żvilupp għall-ekonomiji f’diffikultà jekk isir mezz ta’ opportunitajiet ġodda u mhux qasam ta’ problemi.
Fir-Riżoluzzjoni tagħha għall-2017, l-organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda tirrikonoxxi “r-rwol importanti tat-turiżmu sostenibbli bħala strument pożittiv lejn it-trażżin tal-faqar, il-ħarsien tal-ambjent, it-titjib tal-kwalità tal-ħajja u l-empowerment tan-nisa u ż-żgħażagħ, kif ukoll il-kontribut tat-turiżmu stess għat-tliet dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli, speċjalment f’pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw”. F’dan is-sens, għandhom jitmexxew ’il quddiem tliet dimensjonijiet ta’ sostenibilità: dik ekoloġika, li timmira biex ma jinbidlux l-ekosistemi; dik soċjali, li tiżviluppa f’armonija mal-komunità li tkun qed tilqa’ n-nies; u dik ekonomika, li tħeġġeġ it-tkabbir inklussiv. Fil-kontest ta’ Aġenda 2030, din is-Sena Internazzjonali hija għalhekk opportunità biex il-gvernijiet jiġu nkuraġġiti jsegwu għażliet politiċi adekwati, biex l-industrija tħaddan prattiċi tajbin, u biex jiġu sensibilizzati l-konsumaturi u n-nies tal-lokal, b’mod li juri kif kunċett integrali tat-turiżmu jista’ jikkontribwixxi għal żvilupp sostenibbli.
Konxji li, “fl-eżistenza u fl-azzjonijiet kollha tagħha, il-Knisja hija msejħa biex tħabrek għall-iżvilupp sħiħ tal-persuna umana fid-dawl tal-Evanġelu”, aħna l-Insara rridu noffru l-kontribut tagħna sabiex it-turiżmu jkun jista’ jgħin l-iżvilupp tal-popli, speċjalment dawk l-iktar żvantaġġjati. Huwa għalhekk li aħna nipproponu r-riflessjoni tagħna. Aħna nagħrfu lil Alla bħala l-ħallieq tal-univers u Missier il-bnedmin kollha, li jagħmilna aħwa ta’ xulxin. Fil-qofol tal-attenzjoni tagħna aħna nqegħdu l-persuna umana; nagħrfu d-dinjità ta’ kull persuna u r-relazzjonalità bejn il-persuni; u naqsmu mal-oħrajn il-prinċipju tad-destin komuni tal-familja umana u d-destinazzjoni universali tal-ġid tad-dinja. Il-bniedem hekk ma jaġixxix bħala sid, imma bħala “amministratur responsabbli”. Meta aħna nagħrfu lil xulxin bħala aħwa, aħna nifhmu “l-prinċipju tal-gratuwità u l-loġika tad-don” u d-doveri tagħna ta’ solidarjetà, ġustizzja u karità universali.
Aħna issa nistaqsu lilna nfusna: dawn il-prinċipji kif jistgħu jiġu applikati b’mod prattiku għall-iżvilupp tat-turiżmu? X’inhuma l-konsegwenzi għat-turisti, l-imprendituri, il-ħaddiema, dawk li jiggvernaw, u l-komunitajiet lokali? Hija riflessjoni miftuħa. Aħna nistiednu lil dawk kollha involuti fis-settur biex jagħmlu dixxerniment serju u jmexxu ’l quddiem prattiċi skont dan is-sens ta’ direzzjoni, akkompanjati minn imġiba u tiġdid fl-istil tal-ħajja li jressquna lejn mod ġdid ta’ kif inġibu ruħna ma’ xulxin.
Il-Knisja qed tagħti l-kontribut tagħha billi tniedi inizjattivi li verament iqegħdu t-turiżmu fis-servizz tal-iżvilupp sħiħ tal-persuna. Huwa għalhekk li aħna nitkellmu dwar turiżmu b’wiċċ uman, li jissostanzja ruħu bi proġetti ta’ turiżmu tal-komunità, bil-kooperazzjoni, is-solidarjetà, u wkoll l-apprezzament tal-wirt artistiku kbir, li huwa triq vera u proprja tas-sbuħija.
Fl-indirizz tiegħu lill-Ġnus Magħquda, fil-25 ta’ Settembru, 2015, il-Papa Franġisku qal: “Id-dar komuni tal-bnedmin kollha għandha tkompli tinbena fuq is-sisien ta’ għarfien tajjeb tal-fraternità umana universali u r-rispett għall-qdusija ta’ kull ħajja umana, ta’ kull raġel u ta’ kull mara […]. Din id-dar komuni tal-bnedmin kollha trid tinbena wkoll fuq l-għarfien ta’ ċerta sagralità tan-natura maħluqa”. Jalla aħna ngħixu l-impenn tagħna fid-dawl ta’ dan il-kliem u dawn l-intenzjonijiet!
Belt tal-Vatikan, 29 ta’ Ġunju 2017
Kardinal Peter Kodwo Appiah Turkson – Prefett
-
Ritratt: Ian Noel Pace