-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Il-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina
24 ta’ Diċembru 2018L-Evanġelju tat-twelid ta’ Ġesù jibda b’nota storika: “F’dik il-ħabta Ċesari Awgustu ħareġ digriet biex isir ċensiment fid-dinja kollha” (Lq 2:1). It-tieni nota storika hija li dak iċ-ċensiment kien “l-ewwel wieħed li sar meta Kirinu kien gvernatur tas-Sirja” (Lq 2:2).
San Luqa mhux did-darba biss imma anke meta jagħti d-deskrizzjoni tal-bidu tal-missjoni ta’ Ġwann il-Battista jiddeskrivi b’dettalji storiċi. Irridu ngħidu li din l-istorjografija hija xi ftit approssimattiva. L-istudjużi kultant isibu xi diffett ’l hawn u ’l hemm imma l-loġika ta’ Luqa hija ċara. Dak li se jirrakkonta mhuwiex ħrafa imma avveniment.
Waħda mill-affarijiet li aħna l-Insara hemm bżonn nagħmlu, wara 2,000 sena, huwa li nneħħu ftit icing sugar mill-Milied, jagħmel tajjeb għad-dieta imma fl-istess ħin jagħmel tajjeb ukoll għall-fidi tagħna. Il-Milied mhuwiex ħrafa ħelwa. Ħafna drabi żejjinnieha b’fenomeni mitoloġiċi bħal San Nikola li sar Father Christmas u allura sar personaġġ tant mitoloġiku li meta ftit snin ilu fi New York għamlu survey dwar il-Milied, 60% qalu li Father Christmas kien protagonist u kien preżenti fl-għar ta’ Betlehem! Biex tara kemm kultant dan l-icing sugar jispiċċa biex isir l-essenza u mhux biss il-kisi tal-kejk.
Imma San Luqa jerġa’ jġibna fir-realtà. Dak li niċċelebraw illum huwa avveniment partikolari imma fl-istess ħin avveniment li niċċelebrawh kull meta titwieled tarbija. Il-bidu tal-ħajja hija fit-tnissil imma t-twelid jibqa’ jum partikolari fil-ħajja tagħna. Nibdew neżistu mit-tnissil fil-ġuf ta’ ommna imma t-twelid huwa l-mument mal-ewwel bikja tagħna l-pulmun jibda jaħdem lil hemm mill-ġuf tal-omm. It-twelid ta’ kull bniedem, ta’ kull tarbija, huwa sinjal ta’ tama u fl-istess ħin hi stedina għar-responsabbiltà.
Hemm aspett ieħor li nixtieq naqsam magħkom fuq dan id-dettall storiku li jagħmel Luqa fil-bidu tal-Evanġelju. Isemmi lil Ċesri Awgustu. Ċesri Awgustu kien l-imperatur li waqqaf l-Imperu Ruman fuq sisien sodi u li inawgura l-fenomenu li dam għal mijiet ta’ snin u li kien magħruf bħala l-‘Pax Romana’. Dan kien perjodu ta’ prosperità, ta’ ġid u ta’ paċi relattiva għaliex għalkemm kienet Pax Romana baqgħu wkoll isiru rvellijiet u gwerer bħalma kien l-irvell li mbagħad fis-sena 70, għalkemm mhux taħt Awgustu imma taħt imperatur ieħor, kisser lil Ġerusalemm.
Alla jħobbna kif aħna u bl-imħabba tiegħu jittrasformana.
Din il-Pax Romana kienet paċi imposta minn sistema militari u ta’ qawwa; paċi maħduma mill-bniedem. U hemm ironija kbira li fil-kuntest tal-imperu li jħabbar il-Pax Romana, Alla jintervjeni u joffri paċi differenti. Fil-fatt għalkemm fl-Evanġelju li smajna jibda b’Ċesri Awgustu, jispiċċa u jikkonkludi bl-aħbar it-tajba tal-anġli: “Glorja lil Alla” u mhux glorja lill-imperatur. “Glorja lil Alla fl-għoli tas-smewwiet u sliem, paċi fl-art lill-bnedmin” (Lq 2:14), il-bnedmin li huma mogħġuba minn Alla, li Alla jħobb; il-bnedmin li huma oġġett tal-ħniena tajba tiegħu, li huma wlied ir-rieda tajba tal-Missier. Bil-Latin ngħidu filii benevolentiae, aħna wlied l-imħabba tal-Missier, għalhekk nogħġbuh, mhux għaliex bravi, jew qaddisin jew għax tajbin. Alla jħobbna kif aħna u bl-imħabba tiegħu jittrasformana.
L-istedina li nagħmel lis-soċjetà Maltija, lilna poplu Malti u Għawdxi, hija li nilqgħu l-paċi li joffrilna Alla. Huwa tajjeb li naħdmu għal dinja aħjar, huwa tajjeb li waqt li qegħdin ingawdu mill-prosperità ekonomika nagħmlu ħilitna biex naħsbu f’min għadu ftit lura u hemm bżonn daqqa t’id, għaliex iżjed ma jkun hemm ġid iżjed ikun hemm ġid x’jitqassam. Imma ejjew nevitaw l-idolatrija li naħsbu li l-paċi ta’ qalbna se nġibuha b’idejna jew bil-progress materjali, jew bit-tekonoloġija jew bl-intelliġenza artifiċjali u b’dak kollu li nistgħu noħolqu.
Jekk irridu tassew il-paċi rridu nitolbuha minn Alla.
Kemm hi profonda l-espressjoni li smajna fl-Ewwel Qari mill-profeta Iżaija: “Tweldilna tifel, ingħatalna iben” (Iż 9:5). Ingħatalna għax huwa rigal; ingħatalna għaliex mhuwiex frott il-bravura tagħna; huwa rigal bħalma hi rigal kull tarbija li titwieled, tiġi kif tiġi. Kull tarbija hija rigal. Jekk irridu tassew il-paċi rridu nitolbuha minn Alla. Meta nħarsu lejn it-tarbija ta’ Betlehem li meta tikber tieħu l-isem ta’ Ġesù ta’ Nazaret, u hekk ukoll iġġorr l-isem sa fuq is-salib, aħna nifhmu li l-ikbar rigal li jitħabbar fit-twelid tiegħu u li jikkonferma fl-irxoxt tiegħu huwa l-paċi.
Niftakru f’ħaġa oħra: il-paċi li qed titħabbar fit-twelid ta’ Ġesù hu jikkonfermaha bħala l-aqwa frott tal-irxoxt tiegħu. “Nagħtikom il-paċi” (Ġw 14:27), “Il-paċi magħkom” (Ġw 19:19). Il-paċi li hu jaqla’ mingħand il-Missier għalina bl-ubbidjenza tiegħu li aħna llum qegħdin niċċelebraw fit-twelid tiegħu, u li qal: “Hawn jien, ġej … nagħmel ir-rieda tiegħek” (Salm 39, 8-9) u “ġisem int ħejjejt għalija” (Lhud 10:5), imma wkoll ir-rieda tiegħu meta fl-Ort tal-Ġetsemani jgħidlu: “Mhux li rrid jien, imma li trid int” (Mk 14:36). U llum aħna nifirħu għaliex it-twelid ta’ din it-tarbija hija l-inizjattiva ta’ Alla li tgħidilna: ‘Itolbuni l-paċi, jiena ħerqan, għandi l-għatx biex nagħtihielkom fil-qalb tagħkom, fir-ruħ tagħkom, fis-soċjetà tagħkom.
Nagħlaq b’aneddotu bijografiku. Fit-tieni missjoni li l-Papa Franġisku bagħtni nagħmel fiċ-Ċilì, morna fil-belt ta’ Osorno u hemmhekk kellna niltaqgħu ma’ sitwazzjoni pjuttost diffiċli u ta’ diviżjoni qawwija interna. Kif talabni l-Papa, ippruvajt inġib ftit paċi lil din il-komunità. Imma mill-ewwel tgħallimt li l-paċi la se nagħmilha jien u lanqas se jagħmilha min jixtieqha, imma irridu nitolbuha.
… l-maħfra, ir-rikonċiljazzjoni u l-paċi mhumiex xi affarijiet li nwettquhom aħna imma huwa don li rridu nitolbuh mingħand Alla.
Ħin minhom konna wasalna lejn l-aħħar tal-missjoni u stedint lill-partiti differenti biex niltaqgħu u nagħmlu Quddiesa ta’ rikonċiljazzjoni. Qaluli: ‘Aħna għadna m’aħniex irrikonċiljati u m’aħniex ġejjin’. U l-ġurnalisti li kienu l-ħin kollu magħna qaluli: ‘X’se tagħmel la ma jridux jiġu?’ U jiena dak il-ħin ġieni dan il-ħsieb: ‘Jiena qed nistieden lil kulħadd. Nifhem li m’għandna xejn x’niċċelebraw imma għandna ħafna x’nitolbu. Min irid jiġi mieghi u nitolbu għar-rikonċiljazzjoni. M’aħniex rikonċiljati? Mela nitolbu biex nkunu, min irid li nkunu, jiġi miegħi u nitolbu flimkien’. U hekk għamilna. Tgħallimna, u jiena magħhom, li l-maħfra, ir-rikonċiljazzjoni u l-paċi mhumiex xi affarijiet li nwettquhom aħna imma huwa don li rridu nitolbuh mingħand Alla.
Jekk hemm xi ħaġa li l-Mulej jgħallimna fil-kuntest tal-Pax Romana ta’ Ċesri Awgustu hi li huwa għandu offerta aħjar u aqwa u mhux bl-istess metodu; la bil-metodu taċ-ċensiment li jissottometti lil kulħadd għall-imperatur, u lanqas bil-metodu tal-arroganza militari. L-offerta tal-Mulej hija l-istedina ta’ tarbija vulnerabli li teħtieġ kollox minn kulħadd. Dak huwa s-sinjal li Alla jagħti tal-ferħ kbir għall-poplu kollu: “Issibu tarbija mimduda f’maxtura” (Lq 2:12) għax “illum tweldilkom Salvatur li hu l-Messija, il-Mulej” (Lq 2:11). “Glorja lil Alla fil-għoli tas-smewwiet u sliem u paċi lil-bnedmin li Alla jħobb tassew” (Lq 2:14).
✠ Charles J.Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
-
-
-
-
-
-
-
Ritratti: knisja.mt/ritratti