“Il-qawwa tal-ħajja: sfida fir-realta tal-faqar” huwa t-titlu ta’ messaġġ li l-Kunsill Permanenti tal-Konferenza Episkopali Taljana kiteb għall-okkażjoni tat-32 Jum Favur il-Ħajja li se jkun iċċelebrat fis-7 ta’ Frar 2010. “Kull ħajja għandha tiġi mgħejxa anke f’sitwazzjoni ta’ faqar kbir. Użu ħażin tal-ġid materjali u kultura ta’ konsumeriżmu esaġerat jistgħu jwasslu għal ħajja fqira, bil-konsegwenza wkoll li jiġu injorati miljuni ta’ nies, b’dannu wkoll għad-dinja in ġenerali. Barra minn hekk, kulħadd jaf nies fqar f’dak li jirrigwarda riżorsi materjali, pero li jkunu rikki fl-umanita, b’kapaċita li jgawdu l-ħajja minħabba l-ġenerożita tagħhom”, qal il-messaġġ.
L-Isqfijiet żiedu li “l-kriżi ekonomika li għaddejjin minnha tista’ tkun okkażjoni ta’ tkabbir. Dan għax iġġiegħlna niskopru mill-ġdid is-sabiħ f’li wieħed jaqsam li jkollu ma’ ħaddieħor u fil-kura li wieħed jieħu tal-oħrajn. Hekk wieħed ikun jista’ jifhem li mhijiex ir-rikkezza ekonomika li tikkostitwixxi d-dinjita tal-ħajja, għax fir-realta hija l-ħajja l-ewwel u l-akbar rikkezza fid-dinja.