KONFERENZA EPISKOPALI MALTIJA
c/o Kurja tal-Arċisqof
Floriana.
Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Paul Darmanin O.F.M. Cap.
Isqof ta’ Garissa,
Kenya.
2 ta’ Lulju, 2012
Maħbub ħuna fl-Episkopat,
Kemm l-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex kif ukoll jiena, konna għadna qegħdin nifirħu bil-ħatra ta’ Patri Joe Alessandro O.F.M.Kapp bħala isqof koadjatur tiegħek, meta ġriet l-aħbar tat-traġedja li seħħet f’żewġ knejjes u li ħalliet numru sewwa ta’ persuni mejtin u oħrajn feruti.
Nassigurawk mit-talb tagħna u tal-insara Maltin u Għawdxin kemm għalikom bħala ragħajja spiritwali kif ukoll għall-komunità Nisranija u għall-familji tal-vittmi. Il-Mulej Ġesù jagħtikom il-faraġ, l-ispirtu tal-maħfra u l-kuraġġ biex tkomplu tkunu ta’ dawl evanġeliku f’dawn il-mumenti diffiċli.
Il-Barka tal-Mulej tkompli tkun fuqkom. Jekk jogħġbok wasslilna t-tislijiet u t-talb tagħna lill-Eċċellenza Tiegħu Mons. Joe Alessandro.
Huk fi Kristu
+ Pawlu Cremona O.P.
President Tal-Konferenza Episkopali Maltija