Għeżież ħuti,

Qed joqrob issa x-xahar ta’ Mejju, li fih il-poplu ta’ Alla jesprimi b’qawwa partikulari l-imħabba u l-qima tiegħu lejn il-Verġni Marija. Hija tradizzjoni li f’dan ix-xahar nitolbu r-Rużarju d-dar, fil-familja. Din tad-dar hi dimensjoni li r-restrizzjonijiet tal-pandemija “ġagħluna” nagħtuha iktar valur, anki mill-perspettiva spiritwali.

Għalhekk ħsibt li nipproponi lil kulħadd li niskopru mill-ġdid il-ġmiel li nitolbu r-Rużarju d-dar fix-xahar ta’ Mejju. Nistgħu nagħmlu dan flimkien, jew personalment; agħżlu intom skont is-sitwazzjonijiet tagħkom, imma nitlobkom tiżnu sew iż-żewġ possibbiltajiet. Hu x’inhu, hemm sigriet biex tagħmluh dan: is-sempliċità; u huwa faċli li ssibu, anki fuq l-internet, skemi tajba ta’ talb li tistgħu timxu fuqhom.

Barra minn hekk, qed noffrilkom it-testi ta’ żewġ talbiet lill-Madonna, li tistgħu tgħidu fi tmiem ir-Rużarju, u li jiena wkoll se ngħid fix-xahar ta’ Mejju, magħqud magħkom fl-ispirtu. Qed nehmiżhom ma’ din l-ittra biex hekk ikunu disponibbli għal kulħadd.

Għeżież ħuti, jekk nikkontemplaw flimkien il-wiċċ ta’ Kristu bil-qalb ta’ Marija, l-Omm tagħna, inkunu nistgħu ningħaqdu iktar flimkien bħala familja spiritwali u negħlbu din il-prova. Jiena se nitlob għalikom, speċjalment għal dawk li qed ibatu l-aktar, u intom, nitlobkom, itolbu għalija. Nirringrazzjakom u nberikkom minn qiegħ qalbi.

Ruma, San Ġwann Lateran, 25 ta’ April 2020
Festa ta’ San Mark Evanġelista

Franġisku

TALBA 1

O Marija,
id-dawl tiegħek dejjem jixgħel fil-mixja tagħna
bħala sinjal ta’ salvazzjoni u ta’ tama.
Aħna nintelqu f’idejk, Saħħa tal-morda,
li maġenb is-salib isseħibt fit-tbatija ta’ Ġesù,
waqt li żammejt sħiħa fil-fidi tiegħek.

Int, Salvazzjoni tal-poplu tagħna [Ruman],
taf x’neħtieġu
u aħna żguri li se tipprovdi
biex, bħal f’Kana tal-Galilija,
jerġa’ jkollna l-ferħ u l-festa
wara dan il-mument ta’ tiġrib.

Għinna, Omm tal-Imħabba Divina,
biex inħaddnu r-rieda tal-Missier
u nagħmlu dak li jgħidilna Ġesù,
li ħa fuqu l-mard tagħna
u tgħabba bin-niket tagħna
biex, permezz tas-salib, iwassalna
għall-ferħ tal-qawmien. Amen.

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu, Omm Qaddisa ta’ Alla.
La twarrabx minn quddiemek it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,
iżda eħlisna dejjem minn kull tiġrib, o Verġni glorjuża u mbierka.

TALBA 2

“Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu, Omm Qaddisa ta’ Alla”.

Fil-qagħda drammatika ta’ bħalissa, mimlija tbatija u wġigħ li qed jifnu lid-dinja kollha, lejk induru, Omm Alla u Omm tagħna, u nfittxu l-kenn taħt il-ħarsien tiegħek.

O Verġni Marija, dawwar lejna dawk l-għajnejn tiegħek tal-ħniena f’din il-pandemija tal-Coronavirus, u farraġ lil dawk li jħossuhom imfarrka u qed jolfqu minħabba fl-għeżież tagħhom mejtin, xi drabi midfuna b’mod li jħalli ġerħat miftuħa fir-ruħ tagħhom. Wieżen lil dawk li huma mħassbin għall-persuni morda li, biex ma jirriskjawx li jittieħdu, ma jistgħux ikunu qrib tagħhom. Imla bil-fiduċja lil min jinsab anzjuż għall-futur inċert u għall-konsegwenzi fuq l-ekonomija u fuq ix-xogħol tiegħu.

Omm Alla u Omm tagħna, itlob għalina quddiem Alla, Missier il-ħniena, biex din il-prova iebsa tintemm ħa nerġgħu naraw ix-xefaq tat-tama u tas-sliem. Bħal f’Kana, indaħal int quddiem l-Iben Divin tiegħek, u itolbu jrodd faraġ lill-familji tal-morda u tal-vittmi u jiftħilhom qlubhom għall-fiduċja.

Żomm idejk fuq it-tobba, l-infermiera, il-ħaddiema fl-isptarijiet, il-voluntiera li f’dan il-perjodu ta’ emerġenza jinsabu fuq quddiem nett u qed iqiegħdu ħajjithom f’riskju biex isalvaw ħajjiet oħra. Sieħeb int it-taħbit erojku tagħhom u agħtihom il-qawwa, it-tjieba u s-saħħa.

Kun qrib ta’ dawk li lejl u nhar jassistu lill-morda kif ukoll tas-saċerdoti li, b’attenzjoni pastorali u ħeġġa evanġelika, qed ifittxu li jgħinu u jwieżnu lil kulħadd.

Verġni Mqaddsa, dawwal l-imħuħ tan-nies tax-xjenza, biex isibu soluzzjonijiet ġusti ħalli tingħeleb din il-marda.

Għin lill-Mexxejja tan-Nazzjonijiet, biex iħabirku b’għerf, għożża u ġenerożità, jagħtu l-għajnuna lil dawk li m’għandhomx il-meħtieġ biex jgħixu, jippjanaw soluzzjonijiet soċjali u ekonomiċi b’viżjoni fit-tul u bi spirtu ta’ solidarjetà.

Marija Santissma, miss il-kuxjenzi biex is-somom enormi ta’ flus użati biex jiżdiedu u jissaħħu l-armamenti jintużaw minflok biex jippromovu studji tajba b’risq il-prevenzjoni ta’ katastrofi simili fil-futur.

Maħbuba Omm tagħna, seddaq fid-dinja kollha s-sens ta’ appartenenza għal familja waħda kbira, fl-għarfien tar-rabta li xxierek lil kulħadd, biex bi spirtu ta’ aħwa u ta’ solidarjetà nagħtu l-għajnuna tagħna f’tant sitwazzjonijiet ta’ faqar u ta’ miżerja. Ħeġġiġna biex inżommu sħaħ fil-fidi, nipperseveraw fil-qadi, u ma nehdew qatt nitolbu.

O Marija, Faraġ tal-imġarrbin, ħaddan miegħek lil uliedek kollha tturufnati u itlob lil Alla biex ma jdumx ma jerfa’ d-driegħ setgħan tiegħu u jeħlisna minn din l-epidemija terribbli, biex hekk il-ħajja tista’ terġa’ lura b’serenità għar-ritmu normali tagħha.

Fik nafdaw, int li bid-dija tiegħek iddawwal il-mixja tagħna bħala sinjal ta’ salvazzjoni u ta’ tama, o ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija. Amen.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard