“Ifirħu dejjem fil-Mulej” Fil 4,4
Ħuti,
Fil-ħajja hemm affarijiet li ma nistgħux nakkwistawhom direttament. Iżda nistgħu nilħquhom billi nqiegħdu il-kundizzjonijiet li jwasslu għalihom. Dan jgħodd pereżempju għall-paċi: ma tistax taħdem għaliha direttament. Trid tagħżilha. U mbagħad tqiegħed il-kundizzjonijiet għaliha. Għalxejn tixtieq il-paċi weħidha. Tista’ tiġi biss jekk tqiegħed il-liberta’, l-imħabba u l-ġustizzja. Meta jkun hemm dawn il-kundizzjonijiet imbagħad li jirriżulta hija l-paċi.
Fil-fatt bħal ma jiġri fil-każ tal-paċi hekk jiġri ukoll fil-kaz tal-hena jew ferħ. Il-hena tiġi meta nqiegħdu l-kundizzjonijiet jew l-attitudnijiet għaliha. Hemm differenza kbira bejn ‘tieħu gost’ u ‘tifraħ’. Meta aħna ngħixu xi esperjenza fuq l-estern tagħna, bħala per eżempju xi ħarġa mal-ħbieb aħna ngħidu ‘Ħadt gost’. Iżda meta jkollna esperjenza interna, spiritwali, aħna ngħidu ‘x’ferħ ħassejt’.
Il-gost jibqa’ marbut mal-mument partikolari. Irridu ngħaddu mill-istess esperjenza darba oħra biex nerġgħu nħossu l-istess gost. Il-‘Ferħ’ ibiddilna minn ġewwa, spiritwalment, u għalhekk il-viżjoni tagħna lejn il-ħajja tinbidel, hekk li nibdew inġorru il-ferħ magħna.
L-affarijiet li jagħtu gost huma aktar faċli biex takkwistahom. Iżda l-effett tal-gost jgħaddi malajr. Il-ferħ, minħabbba li jolqot l-ispirtu huwa inqas faċli biex jintlaħaq għaliex jitlob xewqa interna mill-ispirtu. Iżda la darba jintlaqħaq jibqa’ miegħek u jinfluwenzak f’affarijiet oħra.
Il-gost f’ċerti każi jista’ jkun ukoll ta’ ħsara, bħal per eżempju meta jiena nixrob wisq. Mill-banda l-oħra, il-ferħ huwa biss ta’ ġid, għaliex mingħajr ma nkunu nafu, ikun qed jolqot dik ix-xrara li Alla poġġielna fl-ispirtu tagħna. Din tista’ tkun, per eżempju, esperjenza ta’ volontarjat favur il-persuni ta’ madwarna, jew il-bogħod minn xtutna; mument ta’ talb fis-skiet, mument fin-natura jew sempliċi passiġġata jew kafe mal-ħbieb li huma verament ta’ appoġġ għalina.
Forsi din hija r-raġuni għaliex għalkemm ngħixu f’soċjetà moderna li toffri ħafna affarijiet materjali li jagħtu gost, għad hawn min qed jesperjenza vojt, dwejjaq u qtigħ ta’ qalb. Jekk dak li jagħtina l-gost iwassalna ukoll għall-Ferħ, għaliex hemm tant dwejjaq, fis-soċjeta’ tagħna?
Forsi għax iktar ma nagħtu ħin u attenzjoni lil dak li jagħti biss il-gost, inqas se nħallu post għal dak li jagħti il-Ferħ? Għaliex ma tibdiex inti tfittex il-ferħ minflok il-gost biss. Biex tagħmel dan forsi trid tbiddel ftit mill-“lifestyle” u l-għażliet tiegħek. Nistiednek tieqaf u tirrifletti fuq x’jistgħu ikunu dawn l-bidliet. Ippreżenta dawn l-għażliet lil Ġesù fit-talb, fil-grupp jew fid-direzzjoni spiritwali. Ara fejn qed twasslek l-istil ta’ ħajja tiegħek llum u kif tista’ tinbidel biex tilħaq dan il-ferħ u l-hena veru.
Il-Ferħ fil-Vanġelu
Fil-Vanġelu il-Ferħ’ jissemma bosta drabi. Ħa naraw kif jidher u nippruvaw nieħdu xi tagħlimiet minnu:
- Il-Ferħ jissemma meta Sidna Ġesu Kristu ġie fid-dinja. Kull min resaq lejn it-tarbija Ġesu’ imtela’ bil-ferħ. Lir-ragħajja l-anġlu qalilhom: “Qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-popli kollha” (Lq 2,10). Il-Maġi, “Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew” (Mt 2,10). Anki Ġesu’ għadu fil-ġuf ta’ ommu qanqal ferħ fi Ġwanni l-battista li kien hu wkoll għadu it-tarbija fil-ġuf ta’ Eliżabetta: “it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ” (Lq 1,44). Il-preżenza ta’ Ġesu’ ġġib il-ferħ magħha: “il-ħabib tal-għarus jifraħ ħafna meta jisma’ leħen il-għarus.” (Ġw 3,29). Dan juri li bħala żgħażagħ irridu nsibu ħin u spazju għal Ġesu’ fil-ħajja tagħna: ma hemm xejn li jista’ jissostitwixxi dan.
- Il-ferħ ta’ Ġesu’ jingħaqad mal-misteru tal-Għid. F’Ġesù ma hemm xejn li huwa mewr biss, għax anke fl-istess mewt hemm iż-żerriegħa tal-Qawmien. Dan deher anki fit-tbatija tad-dixxipli ta’ Ġesu’ meta rawh imsallab, iżda nbidel f’ferħ meta mbagħad raw li Ġesu’ kien qam. Huma ħarġu minn qabar li kien vojt “kollhom biża’ u ferħ kbir” (Mt 28,8). Fit-tlugħ fis-sema ta’ Ġesù ma mtlewx bin-niket għax kien se jħallihom, iżda “mimlijin b’ferħ kbir, reġgħu lura Ġerusalemm” (Lq 24,52). Il-Ferħ ta’ Ġesu’ jagħtik dehra mġedda fuq il-ħajja, tara ċar dak li hemm moħbi wara l-mument tqil jew diffiċli: il-maħfra wara d-dnub; il-preżenza ta’ Ġesu’ fit-tbatija – m’intix waħdek… Ġesu’ jgħid lid-dixxipli tiegħu fl-aħħar Ċena: “in-niket tagħkom għad jitbiddel f’hena” (Ġw 16,20).
- Ġesù bagħat lit-72 dixxiplu biex imorru jħejju t-triq għalih. Meta ġew lura: “reġgħu lura ferħana” (Lq 10, 17). Il-ferħ li jagħtik f’qalbek Ġesu’ jservi biex tferrah bih lil ħaddieħor. Tant hu hekk li anki meta tiġi kuntrarjat għax tipprova tagħti l-ferħ, dan iwassal għal ferħ ikbar: “Ifirħu u aqbżu bil-ferħ għax ħlaskom kbir fis-sema” (Lq 6,23).
- Waħda mill-affarijiet li jsewwdulna qalbna hija d-dnub tagħna. Biex jagħmlilna kuraġġ Ġesu’ qalilna li meta nirritornaw lura mid-dnub tagħna, aħna nikkawżaw ferħ fis-sema: “Ngħidilkom li l-istess ferħ ikun hemm fost l-anġli ta’ Alla għal midneb wieħed li jindem” (Lq 15,10). Taħt id-dnub u l-konverżjoni hemm il-possibbilta’ tal-ferħ, ta’ Alla u tal-persuna nfisha.
Ġesu’ jixtieq il-ferħ tagħna lkoll: għalhekk uriena t-triq: “Għidtilkom dan biex il-ferħ tagħkom ikun fikom u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (Ġw 15,11); “jiena ġej għandek (il-Missier): biex huma wkoll ikollhom fihom il-ferħ sħiħ tiegħi” (Ġw 17,13). Għandu interess kbir f’kull wieħed u waħda minna biex inkunu ferħanin: għalhekk għamlilna din l-offerta u t-triq li twassal għaliha.
Irridu nagħmlu għażla: Agħmilha issa, imsaħħaħ b’dan il-kliem ta’ Ġesu’: “Itolbu u taqilgħu, biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (Ġw 16,24).