Il-Kummissjoni tal-Konferenzi tal-Isfqijiet tal-Unjoni Ewropea (COMECE) appellat lill-Ewropej, speċjalment il-Kattoliċi, li se jivvotaw f’Ġunju biex jagħmlu dan b’responsabbiltà u jikkunsidraw jixħtu l-vot tagħhom għall-kandidati li jirrappreżentaw il-valuri tal-Ewropa.
Dan intqal fi stqarrija li kienet iffirmata lill-membri tal-COMECE, li wieħed minnhom huwa l-Isqof Awżiljarju ta’ Malta Joseph Galea-Curmi.
Huma ddikjaraw li l-Unjoni Ewropea hija magħquda bid-diversità, id-demokrazija u l-paċi u jeħtieġ li l-votanti jkunu responsabbli bil-vot tagħhom.
L-Isqfijiet fakkru kif l-Unjoni Ewropea ħarġet mit-tiġrif tat-Tieni Gwerra Dinjija u kienet biss possibbli meta l-persuni warajha, “li ħafna minnhom kienu Kattoliċi”, ħadmu flimkien biex jiżguraw li dan il-proġett jirnexxi u d-dinjità tal-Ewropej tkun preservata.
Huma elenkaw l-isfidi kbar li qed taffaċċja l-Unjoni Ewropea fosthom il-gwerer, l-immigrazzjoni, it-tibdil fil-klima u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali, u li biex dawn jiġu indirizzati, hemm bżonn politiċi kuraġġużi u kompetenti li għandhom il-valuri tagħhom favur il-ġid komuni.
“Bħala Nsara rridu naraw għand min se jmur il-vot tagħna u huwa importanti li nivvotaw lill-persuni u l-partiti li jappoġġjaw il-proġett Ewropew u se jippromwovu l-valuri Ewropej bħar-rispett lejn ħaddieħor, is-solidarjetà, l-ugwaljanza u l-preservazzjoni tal-ħajja,” tennew l-Isqfijiet li ammettew li l-Unjoni Ewropea mhijiex perfetta u mhux kull politika tagħha timxi skont il-valuri Nsara.
Iżda minkejja dan, l-Isqfijiet qalu li huwa d-dover tal-Ewropej li jużaw il-vot tagħhom biex itejbu l-UE.
L-Isqfijiet sellmu wkoll liż-żgħażagħ li se jkunu qed jivvotaw għall-ewwel darba f’din l-elezzjoni u appellawlhom biex jużaw il-vot tagħhom biex jaħdmu favur Ewropa li tassigura futur tajjeb għalihom.
“Inħeġġu liż-żgħażagħ Kattoliċi li jixtiequ jidħlu fid-dinja tal-politika biex jippreparaw sewwa ħalli jikkontribwixxu għall-ġid komuni b’fedeltà lejn is-servizz għall-komunità,” ikkonkludew l-Isqfijiet.
Sors: Newsbook Malta