L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Il-Mulej, hu u jitlobna forsi l-itqal ħaġa: dik li nħobbu lil min ikun kontrina, jgħinna ftit nifhmu għaliex qed jgħidilna hekk. U jgħallimna li, dak li għandna nagħmlu, meta nagħmluh niftakru: “bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom” (Lq 6:38).
Minn min? Ejjew niftakru x’għallimna hu stess, meta għallimna nitolbu. Fit-talba tal-Missierna li ngħidu f’kull quddiesa, u nirrepetuha diversi drabi, anke matul il-ġurnata: “Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” (Mt 6:12). Il-Mulej ma jaħbix il-fatt, li aħna nonqsu lil xulxin; ma jaħbix il-fatt, ma jinsiex, li kultant fil-ħajja issib min jagħmillek il-ħsara, min ikiddek, min igidbek, min jikkalunjak. Għax il-Mulej jaf li fil-qalb tal-bniedem hemm ħafna tajjeb imma hemm ukoll kapaċità kbira għall-ħażen.
U l-Mulej qiegħed jgħallimna b’mod ġdid u diffiċli. Ejjew nammettu l-aħwa, li din il-Kelma ta’ Ġesù hi kelma diffiċli. Qed jgħallimna b’mod iebes ta’ kif naffrontaw il-ħażen. U l-idea ta’ Ġesù hi li aħna ma nsirux ilsiera tal-ħażen u tal-mibegħda. L-unika ħaġa li jixtieq fuq kull wieħed u waħda minna hi li l-qalb tiegħi u tiegħek tibqa’ ħielsa mill-mibegħda. Bħalma inti jkollok tazza, li minnha trid tixrob, jekk taqgħalek nemusa fiha ma tixrobx minnha. U hekk ukoll, jekk fil-qalb tiegħi jkun hemm mibegħda għal xi ħadd, l-imħabba tiegħek ma tibqax sabiħa. U l-Mulej qiegħed jgħidlek, ‘oqgħod attent ħija, oqgħod attent oħti, tħallix ir-rabja li għandek, li tista’ tkun ġustifikata, li jista’ jkollok raġun; imma dik se tkissrek.
Allura tgħidli: X’inhu jgħidli? Biex jien neħles minn din it-tentazzjoni li fil-qalb tiegħi tidħol il-mibegħda għal min għamilli l-ħsara, u nitkisser jien? U jagħtina erba’ atteġġjamenti: ħobbu, għamlu l-ġid, bierku, u itolbu. Meta jkun hemm xi ħadd qrib tiegħek, ’il bogħod; ħafna drabi min ikiddna ma jkunx ħafna ’l bogħod! Jaf ikun jgħix taħt l-istess saqaf! Min jista’ jifhem, ħa jifhem! U int tistaqsi lilek innifsek: x’se nagħmel jien? Għax aħna nifhmu, l-esperjenza tgħallimna, li jekk naqgħu fin-nassa tal-mibegħda lejn xi ħadd, il-qalb tagħna ma’ tgħixx fil-paċi. Hemm ħafna inġustizzja fid-dinja. Mhux bilfors li dawn l-erba’ atteġġjamenti li jgħallimna Ġesù, jaħdmu dejjem. Ħarsu ftit dak li qed jiġri fil-Lvant Nofsani jew fl-Ukrajna; dawk il-vittmi innoċenti miż-żewġ naħat li mietu – min se jsabbar il-familji tagħhom? Id-demm tagħhom jgħajjat ‘vendetta’ lil Alla.
Ma naħsibx li Ġesù f’dak li qed jgħallimna qed jgħidilna biex ninsew il-ħtiġijiet tal-ġustizzja. Imma hemm kelma li tagħti dawl fuq dak kollu li qed jipprova jgħid: “Kunu wlied Alla l-Għoli, li hu tajjeb mal-ingrati u l-ħżiena. Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom” (Lq 6:35-36). U juża din il-kelma ‘missier’ għax il-Mulej tani l-grazzja niltaqa’ ma’ diversi ġenituri, li jgħallmuni xi tfisser il-ħniena. It-tifel jistmaha ħażin lil ommu u tibqa’ tħobbu. Ippruvaw fehmuni dan il-misteru ta’ mħabba. Jagħmlilha ħajjitha kollha inkwiet imma ma tkunx kapaċi tobogħdu lil binha. U għalhekk Ġesù, meta jkellimna fuq din il-kelma iebsa, lil Alla jsejjaħlu: ‘Missier’. U meta għallimna nitolbu maħfra, bħalma aħna naħfru, lil Alla għallimna wkoll insejħulu: “Missierna, li inti fis-smewwiet” (Mt 6:9).
Wara kollox, tajjeb niftakru li din il-kelma, Ġesù għexa. Meta jkun hemm xi kelma tal-Evanġelju tfixklek, bħalma tista’ tfixkilna din il-kelma iebsa ta’ Ġesù dwar l-imħabba ta’ vera; staqsi lilek innifsek: ‘imma Ġesù din il-Kelma kif għexa?’ Meta tkun ittentat li lil xi ħadd tobogħdu għax għamillek il-ħsara, għax irridlek id-deni, ftakar f’Ġesù Msallab, u lill-Missier jgħidlu: “Aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34). Ikkundanat għall-mewt bla ħtija, minxur fuq salib, u jibqa’ jħobb, jagħmel il-ġid, ibierek u jitlob.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: 1 Sam 26:2,7-9,12-13,22-23
Salm: 102 (103):1-2,3-4,8,10,12-13
Qari II: 1 Kor 15:45-49
L-Evanġelju: Lq 6:27-38