Il-Papa Benedittu XVI iltaqa’ mal-parteċipanti tal-Konferenza Internazzjonali dwar iċ-ċelloli steminali tal-adulti, konferenza li kienet organizzata mill-Kunsill Pontifiċju għall-Kultura. Fil-messaġġ tiegħu l-Papa tkellem dwar “il-kontribuzzjonijiet tassew rimarkabbli” li qal li x-xjenza tista’ tagħmel billi tippromwovi u tissalvagwardja d-dinjita umana. Fl-istess ħin, Benedittu XVI wissa li x-xjentisti għandhom ikunu attenti għat-tħassib etiku fil-proċess tar-riċerka, sabiex ma tkunx kompromessa d-dinjita umana.
Wara li radd ħajr lill-organizzaturi u lil dawk kollha li qed jirsistu biex jippromwovu inizjattivi kulturali u formattivi maħsuba biex jappoġġjaw riċerka xjentifika fuq ċelloli steminali tal-adulti, Papa Ratsinger qal li r-riċerka xjentifika tipprovdi opportunita unika sabiex wieħed jiskopri l-kobor tal-univers, il-kumplessita tan-natura u s-sbuħija distinta tal-ħajja, inkluż dik umana.
Il-Papa jkompli li minħabba li l-bniedem hu mżejjen b’ruħ immortali u hu maħluq fuq ix-xbieha t’Alla, hemm dimensjonijiet tal-eżistenza umana li jaqgħu lil hinn mil-limiti li x-xjenzi naturali huma kompetenti biex jiddeterminaw. Fi kliemu, jekk dawn il-limiti jinqabżu, ikun kbir ir-riskju ta’ ksur tad-dinjita tal-ħajja umana. Min-naħa l-oħra, jekk dawn il-limiti jkunu rispettati, ix-xjenza tista’ tkun ta’ kontribut rimarkabbli għall-promozzjoni u s-salvagwardja tad-dinjita umana.
Il-Kap tal-Knisja Kattolika amplifika dwar kif il-bniedem, aġent tar-riċerka xjentifika, xi drabi, fin-natura bioloġika tiegħu, jispiċċa l-oġġett tagħha. Dan meta d-dinjita traxxendenti tiegħu tintitolah biex jibqa’ l-benefiċjarju tal-istess riċerka xjentifika. F’dan id-dawl qal li l-benefiċċji potenzjali tar-riċerka fuq iċ-ċelloli steminali tal-adulti hi ta’ min jikkunsidraha, minħabba l-possibilta ta’ fejqan minn mard deġenerattiv. Quddiem dawn l-iżviluppi, il-Knisja tinkoraġixxi lili min jinsab involut fir-riċerka, dejjem meta din iġġib fl-ewwel post il-ġid integru tal-persuna umana u l-ġid komuni tas-soċjeta.
Ma naqasx milli jagħti wkoll l-assigurazzjoni tal-ħidma sfieqa tal-Knisja lejn dawk in-nies l-iktar vulnerabbli, speċjalment dawk li jgħixu fil-faqar u l-mard.