L-Isqof Joseph Galea-Curmi qal li fejn ikun hemm nuqqas ta’ rispett lejn xulxin fis-soċjetajiet tagħna huwa minħabba li “ma jkunx hemm paċi fil-qalb,” li jwassal biex “niżirgħu żerriegħa ta’ mibegħda.”
Waqt intervista fuq Għal Kulħadd fuq RTK103, ġie mistoqsi dwar l-attakk riċenti fuq il-pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijiethom fil-Ħamrun, u l-Isqof ikkummenta li għalkemm nitkellmu dwar il-ġlied u l-gwerer f’pajjiżi differenti, il-ħarsa ewlenija għandha tkun fuq dak li jsir fil-gżejjer Maltin stess.
Mitlub jirrifletti dwar x’qed jiġri f’Malta li għal kull ħaġa ta’ xejn, il-poplu donnu m’għadux kapaċi jieħu paċenzja u minflok sar jaqbiżlu malajr, kif ukoll dwar l-ħsieb li donnu kollox sar xejn mhu xejn fuq il-mezzi soċjali hekk kif ukoll ħadd lest li jikkummenta u jattakka lill-proxxmu, l-Isqof qal li miċ-ċokon minn fost il-partijiet kollha tas-soċjetà trid tinbet is-sens ta’ paċi.
Kompla li fejn ma jkunx hemm paċi fil-qalb mal-ewwel il-bniedem jibda jweħħel f’ħaddieħor, kif ukoll jispiċċa jweġġa’ u jinsulta lil dak li jkun.
“Għandna dejjem naħdmu biex inkunu strumenti ta’ paċi kull fejn inkunu, kemm mal-familja, kemm f’postijiet pubbliċi, anki f’ċelebrazzjonijiet ta’ festi. Biex niċċelebraw patrun f’lokalità m’hemm għalfejn ikun hemm tgħajjir u kliem oxxen. Inqies din is-sitwazzjoni bħala waħda serja u ma jistax ikun li min suppost jieħu passi xierqa jibqa’ b’idejh marbuta jħares.”
Saħaq li hemm bżonn ikun hemm rispett lejn il-proxxmu, kif ukoll li bniedem ikun kapaċi jammetti li “dak li hu ħażin huwa ħażin, u mhux naqilbu l-affari biex ngħidu li hija tajba”.
“Il-libertà, il-ġustizzja u l-paċi jmorru flimkien u mhux waħda valur aħjar minn oħra”
Semmiegħ ta’ RTK103 kiteb jikkummenta waqt l-intervista mal-Isqof Galea-Curmi li hu jemmen li l-paċi m’għandiex tkun l-ewwel prijorità imma s-sekwenza ta’ valuri importanti għandha tkun l-ewwel il-libertà, segwita mill-ġustizzja u l-paċi.
Żied jgħid li jemmen li din għandha tkun is-sekwenza għax “meta persuna tikseb il-libertà tkun qed tieħu ġustizzja li awtomatikament twassal għal paċi”.
Biss, l-Isqof ikkummenta u qal li dawn it-tliet valuri jmorru flimkien għax “iktar milli xi ħaġa aqwa minn oħra, dawn kollha jaħdmu flimkien f’sinerġija, u mingħajr waħda ma jista’ qatt ikun hemm l-oħrajn”.
Fakkar li l-Papa Ġwanni Pawlu II kien jitkellem ħafna fuq dawn il-valuri, hekk kif “kien jemmen li l-paċi tiġi jekk ikun hemm ir-rispett lejn id-dinjità u d-drittijiet tal-bniedem”.
“Il-kultura tat-tgħajjir hija pjaga soċjali”
L-Isqof Joseph Galea-Curmi qal “l-kultura ta’ tgħajjir speċjalment fuq il-mezzi soċjali hija pjaga. Illum fil-midja kif jiġri xi ħaġa, mal-ewwel issib lil xi ħadd jikkummenta mingħajr ma jieħu ċans jaħseb u jiżen dak li jkun se jgħid”.
“Illum post fuq il-mezzi soċjali tispiċċa tikber għaliex persuna ma tkunx ħasbet qabel ma kitbet, u eventwalment wara jirriflettu fuq dak li jkunu kitbu wara li jaf tefgħu piż fuq ħaddieħor u ħolqu ħsara fuq persuni. Ħafna drabi l-insulti u l-attakki jkunu riżultat ta’ qalb imħassra.”
“Mingħajr il-paċi n-nies la għandom preżent u lanqas futur”
Fakkar li l-paċi kienet waħda mit-temi li l-Papa Franġisku ta importanza. “Aħna nistgħu ngħixu ħajja tas-sewwa, b’mod tajjeb, f’ambjent ta’ paċi, imma bil-ħajja tal-lum fejn tisma’ x’tisma’ tissemma l-gwerra spiċċajna f’theddida umanitarja hekk kif mingħajr il-paċi n-nies la għandhom preżent u lanqas futur”.
Qal li l-gwerer iwasslu biex “jiżirgħu t-terroriżmu tal-futur, għax ikollok tifel li tilef lill-familtu u baqa’ bit-trawma u l-uġigħ li jippersisti”. Saħaq l-importanza li kollha kemm aħna nibqgħu konxji ta’ dak li qed jiġri filwaqt li nkomplu nitolbu għal paċi sabiex “inkunu strumenti tal-paċi, għax il-paċi fil-qalb twassal għal paċi fis-soċjetà”.
L-Isqof qal li f’konferenza barra minn xtutna ma’ Isqfijiet u żgħażagħ b’reliġjonijiet differenti waslet biex jiġi diskuss dan l-istess suġġett u kif il-ġenerazzjoni żagħżugħa għandha tkun strument tal-paċi qalb il-kunflitt kif ukoll li joħolqu djalogu b’realtajiet diversi ta’ reliġjonijiet differenti.
Stqarr li tajjeb li soċjetajiet diversi mill-pajjiżi fil-Mediterran jiltaqgħu u jiddiskutu temi soċjali sabiex tkompli tittejjeb il-ħajja ta’ ġenerazzjonijiet differenti.
Sors: Newsbook Malta