• Nhar is-Sibt 2 ta’ April 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna mexxa ċ‑ċelebrazzjoni tal‑pussess ta’ Dun Walter Cachia, bħala l-kappillan il‑ġdid tal‑Parroċċa San Gejtanu il‑Ħamrun, fil‑Knisja Parrokkjali ta’ San Gejtanu.

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Parroċċa ta’ San Gejtanu, il-Ħamrun
    2 ta’ April 2016
     
    Ippermettuli qabel inkellimkom, nixtieq nindirizza kliem lil ħija l-kappillan, Dun Walter. Inti magħruf għall-omeliji mhux twal ħafna, u naħseb jgħidha l-poplu wkoll tiegħek, imma għandek kelma diretta ħafna.
    Fl-Evanġelju tal-lum (Ġw 20, 19-31), Ġesù jgħid kelma li nixtieq nafdaha lilek ukoll: “bħalma bagħtni Missieri hekk jien nibgħat lilek” (v. 21). Dawn il-kelmiet huma l-mudell ta’ kull missjoni fil-Knisja. Biex nifhmu eżattament x’irid jgħid Ġesù, l-ewwel nett irridu nifhmu l-kelma: “bħalma bagħtni Missieri”. ‘Missieri’ huwa Alla l-Missier li, biex iwettaq il-missjoni Tiegħu, bagħtu fostna; il-missjoni li aħna niċċelebraw fl-istaġun sabiħ tal-Milied li San Ġorġ Preca għallimna nsibu bil-kelmiet: ‘Verbum Dei caro factum est’ – ‘l-Iben ta’ Alla sar bniedem’. 
    Meta Ġesù jgħid: “kif il-Missier bagħat lili” qed iġgħalna naħsbu fuq dak li jgħid San Pawl: “hu li għad li kien flimkien daqs Alla, ma qgħadtx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, tneżża’ minn kollox, ħa n-natura ta’ fqir, obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” (ara Fil 2, 6-8). B’dan il-kliem lill-Filippin, San Pawl Missierna jorbot il-missjoni ta’ Ġesù, dik li aħna nsejħulha ‘l-inkarnazzjoni’ għax sar bniedem, mal-misteru tal-fidwa; bl-ubbidjenza tiegħu hu jsir bniedem; bl-ubbidjenza tiegħu hu jilqa’ fuq spallejh is-salib.
    Hemmhekk hemm is-sigriet tal-glorja ta’ Ġesù. San Pawl ikompli jgħid “u Alla għollieh u tah isem fuq kull isem biex kull min isejjaħ l-isem ta’ Ġesù ikollu s-salvazzjoni f’ismu” (vv. 9-10) . Ġesù, li ma beżax mill-umiljazzjoni biex ikun qaddej għal kulħadd. Il-missjoni tagħna mibgħuta f’isem Ġesù, trid tkun din, għaziz kappillan, se tkun ukoll il-missjoni ta’ kull wieħed u waħda minna.

    Il-Mulej qiegħed jibgħatna fid-dinja fejn kulħadd jiltaqa’ ma’ Ġesù, jew forsi imbiegħed għax aħna stess fixkilnih, jew skandalizzajnieħ u hekk jistenna minna li jiltaqa’ ma’ dik il-ħarsa tal-ħniena.

    Niftakru ftit fil-laqgħat li l-Evanġelju jsemmilna li kellu Ġesù. Il-laqgħa mas-Samaritana ħdejn il-bir ta’ Ġakobb, jgħidilha: “għandi l-għatx” (ara Ġw 4, 7), imbagħad jagħtiha l-faraġ u l-ilma tal-ħajja. Ma’ Żakkew li jgħidlu; “illum f’din id-dar daħlet is-salvazzjoni” (Lq 19, 9). Żakkew li ħadd ma ried jaf bih għax kien publikan, kien midneb pubbliku, u Żakkew mhux biss jikkonverti imma jpatti fuq li jpatti għal dak li ħa b’mod inġust. Il-laqgħa tal-Mulej mal-midinba pubblika, ma’ l-adultera. “Kien hemm xi ħadd ikkundannak? Lanqas jien ma nikkundannak, mur u terġax tidneb iktar” (Ġw 8, 10-11). Tgħidilhom nifhmu l-ħarsa ta’ Ġesù, ħarsa li tinfed il-qalb, imma li hija ħarsa tal-ħniena.
    Illum lejliet li nibdew jum il-Ħniena Divina f’din is-sena ta’ Ħniena. Hija ġurnata sabiħa, għażiż Dun Walter, li fiha inti se tkun kappillan għall-ħames darba. Nispera li l-parroċċi li kont fihom s’issa ifakkruk li l-popli li inti qdejt, u issa l-poplu Ħamruniż li se taqdi, taħt il-ħarsien ta’ San Gejtanu, ta’ San Ġużepp u ta’ San Ġorġ Preca, għandu bżonn jara fik mhux biss ir-raġel ħabrieki li jmidd idejħ għal kollox, imma wkoll il-marka tal-ħniena, tal-Qalb ta’ Ġesù.
    Jiena nafda l-ministeru tiegħek f’idejn il-qassisin li jsebbħu lil din il-parroċċa, imma wkoll f’idejn il-poplu Ħamruniż. Jiena nafu bħala poplu li tkun taf eżatt fejn qiegħed miegħu, hekk għandi idea tagħkom jien, inkun naf eżatt fejn jien magħkom. Għandkom ukoll qalbkom f’idejkom ukoll. Tħobbu ħafna l-marċi naf, nagħti l-permess jiżfen xi żifna magħkom ukoll, imma basta ma tinkwetawhx iżżejjed lil San Gejtanu  – dan agħmluh mingħajr ma jiġrilu xejn.
    Għandkom patrimonju għażiż, li nixtieq ħafna lil Dun Walter bil-għajnuna anke ta’ Fr Joe li nixtieq insellem u nirringrazzjah. Fr Joe, nixtieq nirringrazzjak, tas-servizz fidil ta’ ħafna snin li tajt u qed tagħti lil din il-parroċċa u anke lil tant saċerdoti li ħadmu u li jaħdmu. Illum huwa wkoll il-mument fejn aħna ngħidu grazzi għas-saċerdoti tagħna. Kulħadd imżejjen b’affarijiet sbieħ, ikun hemm forsi xi difett li jagħmilna isbaħ quddiem il-Bambin, u lill-poplu ġġagħlu jieħu paċenzja iżjed bina, imma b’hekk se nsiru qaddisin, aħna bikom u intom bina, nieħdu paċenzja b’xulxin.
    Ma naqtgħux qalbna. Waħda mill-affarijiet li tippreokkupani ftit meta naħseb fil-Ħamrun, ikkoreġuni jekk sejjer żball, li jerġgħu jiġu ż-żgħażagħ il-Ħamrun.

    Hemm bżonn iż-żgħażagħ li hawn iħossuhom protagonisti fil-ħajja soċjali u fil-ħajja tal-parroċċa. Jiena naf kemm intom akkaniti, imma nagħmlu pjaċir lil xulxin – aħna min aħna, ġejjin minn fejn ġejjin biex naħdmu flimkien biex il-ħajja tagħna tkun ħajja ta’ paċi u ħajja ferrieħa.

    Apparti l-pika tal-festa, dik tiġi u tgħaddi, imma ma nġorruhiex fl-istonku s-sena kollha, biex hekk il-ħajja ta’ ferħ, ta’ ħniena u ta’ hena, li jrid jagħtina Ġesù fil-misteru tal-fidwa tiegħu, nibdew ngħixuha minn issa.
    Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta