NOTA PASTORALI TAL-ISQFIJIET
Għeżież uliedna,
Iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar qed nindunaw kemm dak kollu li għamel il-Mulej meta kien fostna kien biex jgħin lilna nifhmu iktar il-pjan tiegħu. Il-Vanġelu nkiteb biex jurina min kien u x’għallem u x’għex Sidna Ġesu’ Kristu, iżda mhux biss. Permezz tad-dixxipli, u ta’ nies oħrajn u d-dubji tagħhom, huwa wriena t-tweġiba ta’ Ġesu’ quddiem dawn id-dubji biex nifhmu x’se tkun it-tweġiba ta’ Ġesu’ quddiem l-istess dubji tagħna f’kull żmien, anki llum.
Dan jgħodd f’kollox, iżda aħna xtaqna li napplikawh għad-diskussjoni li għaddejja bħalissa fuq iż-żwieġ u d-divorzju u l-effetti tad-divorzju. Nixtequ nippreżentaw dan lill-insara ħutna għar-riflessjoni tagħhom fil-fidi, iżda wkoll b’imħabba kbira, noffruha lil dawk li qegħdin jippromwovu d-divorzju biex jifhmu kif aħna l-insara, mill-fidi tagħna, inħarsu lejn din ir-realta’.
ĠESU’, IŻ-ŻWIEĠ U D-DIVORZJU
Elfejn sena ilu kien hemm xi dixxipli li ġew għand Ġesu’ u għamlulu l-mistoqsija: “Jista’ wieħed jitlaq lil martu fuq xi ħaġa, tkun xi tkun?”
It-tweġiba ta’ Ġesu’ kienet doppja. L-ewwel fakkarhom biex iħarsu lejn is-sbuħija tal-pjan ta’ Alla li nsibu fil-Ġenesi: ta’ żwieġ bejn raġel u mara u “jsiru ġisem wieħed”, u li “dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem” (Mt 19, 5,6).
U huma weġbuh li iżda kien hemm diġa’ d-divorzju. Ġesu’ weġibhom li dan ma ġiex mill-pjan ta’ Alla: “Kien minħabba l-ebusija ta’ qalbkom li Mose’ takom il-permess tibagħtu n-nisa tagħkom. Iżda ma kienx hekk mill-bidu” (Mt 19,8). Minbarra s-sbuħija ta’ żwieġ dejjiemi Ġesu’ wriehom ukoll it-triq li għandhom jieħdu biex dan iseħħ. Qalilhom li ma tistax – u dan jgħodd f’kull ħaġa – ma tistax tesprimi valur u taċċetta realta’ kontrih: trid tagħżel ukoll it-triq biex twasssal għal dak il-valur. U din it-triq qatt ma tista’ tgħaddi mid-divorzju. Ġesu’ kien qed jgħidilhom li d-divorzju jbiddel in-natura taż-żwieġ, ta’ kull żwieġ. Wara d-divorzju ma tistax titkellem iktar fuq żwieġ dejjiemi, stabbli, bħalma kien il-pjan ta’ Alla fil-bidu: tkun qed tibdel in-natura tiegħu. U Ġesu’ ma jitkellimx fuq il-kundizzjonijiet differenti – kif jidħol – iżda fuq il-fatt li jkun daħal id-divorzju u allura nbidlet in-natura taż-żwieġ.
Iżda forsi kieku Ġesu’ kien hawn fostna illum, forsi konna ngħidulu: “Mulej: iżda kullimkien daħħlu d-Divorzju”, fid-dinja kollha. Żgur li ma kenitx tinbidel it-tweġiba tiegħu: “Dak minħabba l-ebusija ta’ qalbkom”: Hija l-attitudni tagħna li trid tinbidel, mhux iż-żwieġ!
Forsi anke aħna konna ngħidulu, bħad-dixxipli tiegħu, li dan kollu huwa tqil. Nemmnu li Ġesu’ kien jweġibna li dan hu l-pjan ta’ Alla għalina: li jkun hemm ħafna iktar tbatija għas-soċjeta’ meta ma nsegwux dan il-pjan milli meta nsegwuh. Hu għall-ġid tagħna lkoll – li aħna nafuh bħala l-ġid komuni – li Ġesu’ jgħidilna dan. Il-kliem ta’ Ġesu’ jiġi ppruvat mir-realta’ ta’ ħafna pajjiżi. Daħlu d-divorzju għaliex ħasbu li se jsolvu l-problemi madwar il-falliment taż-żwieġ, u minflok żdiedu l-problemi. Dan jidher ċar mir-riċerki u mill-istatistiċi. Il-Kelma ta’ Ġesu mhux tfixkel il-ġid komuni, iżda ssaħħu kontra d-dgħufijiet umani kollha.
L-ebda nisrani ma jista’ jippretendi li Ġesu’ kien iwieġeb mod ieħor. Ma nistgħux nippretendu li llum Ġesu’ kien iwieġeb: “Saħħu ż-żwieġ billi ddaħħlu d-divorzju!”
AĦNA, ĠESU’, IŻ-ŻWIEĠ U D-DIVORZJU
Nixtiequ ngħidu dejjem lill-aħwa li ma jaqblux magħna, li aħna ma nistgħux inħobbu lis-soċjeta’ jekk mhux billi nwasslulhom dak li qalilna Ġesu’. Hemm min igħidilna: “Agħmluha intom biss…” Irridu ngħidu lil dawn l-aħwa: “Ma nistgħux niefqu hemm, ma nistgħux ma naqdux il-missjoni ta’ Ġesu’ lis-soċjeta’ tagħna.” Tista’ id-dinja ma taċċettahiex, iżda tkun semgħetha! Aħna nifhmu l-kliem ta’ Ġesu’: “Morru fid-dinja kollha xandru l-bxara t-tajba”, mhux biss fil-kuntest reliġjuż, iżda wkoll fil-kuntest tal-ġid tas-soċjeta biex il-Bxara t-tajba tkun ta’ ġid għal kulħadd. Mhijiiex impożiżżjoni iżda offerta li qed nerġgħu nagħmlu lis-soċjeta’ tagħna.
Hekk nagħmlu meta ngħinu l-batut u ħadd ma jgħidilna li qegħdin nimponu; hekk nagħmlu meta nitkellmu favur il-ġustizzja u l-ambjent u ħadd ma jgħidilna li qegħdin nimponu. U hekk irridu nagħmlu bl-imħabba kollha fuq iż-żwieġ u l-familja.
Il-Knisja għandha l-missjoni li tqiegħed lil kull membru tagħha quddiem Sidna Ġesu’ Kristu u t-tagħlim tiegħu. B’din l-ittra nixtiequ nqegħdu lil kull nisrani li għażel li jimxi wara Kristu, quddiem Ġesu’ stess, qiesu qiegħed jisimgħu llum. Il-kliem ta’ Ġesu’ isir id-dawl tal-kuxjenza li fuqha jrid jimxi n-nisrani: issir risponsabbilta’ morali li jwettaqha. Huwa quddiem Ġesu’ li n-Nisrani jrid jagħti rendikont ta’ kull għemil tiegħu, anki fil-każ taż-żwieġ u d-divorzju!
U iktar minn hekk, quddiem il-kliem ta’ Ġesu’, in-nisrani jrid iħoss ir-risponsabbilta’ li jieħu sehem fil-missjoni li jwettaq u jipproteġi t-tagħlim tiegħu. F’dan il-mument nagħmlu sejħa lil kull nisrani, kemm fis-sejħa tiegħu bħala nisrani, kif ukoll fir-rwol tiegħu fis-soċjeta’, biex jieħu dan il-kliem ta’ Ġesu’ bħala sejħa biex iwassal il-kliem ta’ Ġesu’. San Pawl hekk tkellem fi żmienu lil Timotju: “…infakkrek biex tqajjem fik id-don ta’ Alla…għax Alla ma taniex spirtu ta’ biża’, imma Spirtu ta’ qawwa, ta’ mħabba u ta’ rażan” (II Tim 1,7).
Fl-istorja tal-Knisja, mumenti bħal dawn kienu importanti biex il-Knisja iktar tikber. Nixtiequ nqegħdu dan kollu fil-kuntest tal-Evanġelizzazzjoni Ġdida, jiġifieri li l-Knisja tlaqqagħna mhux mal-Knisja biss iżda ma’ Ġesu’ permezz tagħha. Dak li xtaqna nagħmlu f’din l-Ittra.
Inħeġġu lill-aħwa nsara kollha – lajċi, saċerdoti, reliġjużi – li jieħdu f’idejhom dan it-tagħlim kollu u jwassluh lill-oħrajn b’imħabba u kuraġġ.
Nagħtukom il-barka pastorali tagħna.
Maħruġa llum 15 ta’ Ottubru, 2010.
+ PAWLU CREMONA O.P.
Arċisqof ta’ Malta
+ MARIO GRECH
Isqof ta’ Għawdex