L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Hemm sentenza li hija ripetuta llum, tissemma fl-ewwel qari mill-ktieb tal-Ġenesi, kif ukoll fl-Evanġelju skont San Mark: “Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u ’l ommu, u jingħaqad ma’ martu, u t-tnejn isiru ġisem wieħed” (Ġen 2:24; Mk 10:7).
Ġesù fl-Evanġelju jenfasizza li dan huwa l-pjan ta’ Alla għall-ħajja miżżewġa: li raġel u mara jingħaqdu flimkien u jsiru ħaġa waħda. L-enfasi ta’ Ġesù hija li dawn ikunu ħaġa waħda. Mhix li xi ħadd minnhom jiddomina fuq l-oħra jew l-ieħor, imma li jkunu ħaġa waħda. Biex ikompli jenfasizza dan, Ġesù jgħid: “Dak li għaqqad Alla, m’ għandux jifirdu l-bniedem” (Mk 10:9). Alla huwa li jakkumpanja lill-miżżewġin fil-ħajja tagħhom u li jagħtihom l-għajnuna li huma jeħtieġu.
Għalhekk nixtieq illi l-ewwel talba li nagħmlu llum tkun għal dawk kollha miżżewġin biex jistgħu jgħixu b’imħabba sħiħa l-vokazzjoni li għaliha Alla sejħilhom. U jagħmlu dan bil-fiduċja f’Alla li jgħinhom, speċjalment ukoll fil-mumenti iebsin u ta’ sfida illi jgħaddu minnhom fil-ħajja miżżewġa u l-ħajja tal-familja. Nitolbu wkoll għal dawk li għaddejjin minn żmien diffiċli fil-ħajja tagħhom taż-żwieġ biex isibu l-għajnuna li għandhom bżonn li takkumpanjahom qalb id-diffikultajiet u l-problemi li jgħaddu minnhom.
Meta Ġesù nkorla
Jien xtaqt illi l-iktar li nikkonċentra llum ikun fuq it-tieni parti tal-Evanġelju, meta Ġesù jgħid: “Ħalluhom it-tfal jiġu għandi, iżżommuhomx” (Mk 10:14). Din kienet ir-reazzjoni ta’ Ġesù meta kien hemm min ġab it-tfal biex iberikhom, u d-dixxipli tiegħu, dawk l-aktar nies qrib tiegħu, bdew jagħjtu magħhom u ma jħalluhomx jersqu lejn Ġesù. L-Evanġelju jgħidilna li Ġesù “inkorla” (Mk 10:14), xi ħaġa li nsibuha kultant imma mhux daqshekk spiss f’Ġesù. Ġesù nkorla u qalilhom “ħalluhom jiġu għandi, iżżommuhomx”.
Nafu li kienet kontra l-mentalità taż-żmien għaliex, fi żmien Ġesù, it-tfal ma tantx kienu meqjusa bid-drittijiet tagħhom jew inkella b’xi mod jew ieħor ma kontx issibhom fejn rabbi li jgħallem. Għalhekk, id-dixxipli, riedu ma jħalluhomx jersqu lejn Ġesù. Imma Ġesù ried jagħti dan il-messaġġ li kien tant importanti dak iż-żmien, u hu importanti wkoll fi żmienna. Jien nixtieq insemmi tliet punti marbutin ma’ dan li jgħid Ġesù llum fuq it-tfal.
Immorru għand Ġesù
L-ewwel nett, jgħid: iżommuhomx, iżżommuhomx milli jiġu għandi. L-appell ta’ Ġesù hu lilna lkoll, il-ġenituri, qraba, imma wkoll lilna biex aħna lit-tfal ngħinuhom jersqu lejn Ġesù u bl-ebda mod ma nfixkluhom f’dan. Illum it-tfal huma impenjati f’ħafna attivitajiet, kemm akkademiċi kif ukoll f’attivitajiet oħra li huma tant ta’ ġid għalihom għax jgħinuhom jiżviluppaw it-talenti tagħhom – bħall-kant, il-ballet, il-mużika u l-isports. Dawn huma tant importanti għax jgħinu lit-tfal jiżviluppaw it-talenti tagħhom. L-iżball però jkun jekk aħna npoġġu dawn kontra dak li qed jgħid Ġesù, jiġifieri li t-tfal immorru għandu. Dawn għandhom imorru flimkien, mhux waħda kontra l-oħra.
Meta lit-tfal ngħinuhom jersqu lejn Ġesù, hemmhekk jirċievu l-għajnuna, il-qawwa, il-barka tiegħu. Jirċievu l-imħabba u l-paċi. Jirċievu s-sens tal-ħajja, il-valuri l-aktar importanti illi mbagħad jgħinuhom fl-impenji tagħhom differenti. Il-preżenza ta’ Ġesù hija dejjem ta’ enerġija, ta’ għajnuna, ta’ barka, biex inti fejn inti, tista’ tagħmel il-ħidma tiegħek, l-attività tiegħek, bl-aħjar mod, u tkun eċċellenti fil-ħidma tiegħek. Għalhekk, Ġesù jgħid “iżżommuhomx” milli jiġu għandi, għax jaf li l-preżenza tiegħu, il-kelma tiegħu, l-għajnuna tiegħu, hija dejjem ta’ sostenn għat-tfal huma u jikbru biex l-impenji differenti tagħhom jagħmluhom bl-isbaħ mod u bl-aħjar mod.
Għalhekk meta Ġesù jgħid “iżżommuhomx” qed jgħid biex aħna nressqu lit-tfal lejn Ġesù. Aħna nagħmlu dan b’mod partikolari u speċjali fil-quddiesa, għaliex il-quddiesa hija l-isbaħ talba u dik li tassew tgħinna biex nersqu lejn Ġesù, u nirċievu lilu mbagħad bħala għajnuna għall-ħajja tagħna.
Aħna bil-Malti ngħidu: “li tiżra’, taħsad.” Kultant dan hu veru, però mhux dejjem veru. Li tiżra’ mhux dejjem taħsdu, u jkun hemm tbatija minħabba f’hekk. Imma li hu veru dejjem huwa li jekk ma tiżrax, qatt ma tista’ taħsad. U għalhekk li jħeġġiġna Ġesù huwa li aħna niżirgħu dawn l-attitudnijiet sbieħ u tajbin li jgħinu mbagħad lit-tfal ħalli jikbru tassew fl-isbaħ u fl-aħjar ambjent.
Noħolqu komunità li tilqa’ lit-tfal
Xtaqt insemmi wkoll punt ieħor importanti li Ġesù hawnhekk qed jirreferi għalih, meta jgħid li t-tfal huma dawk illi għandna nilqgħuhom fil-komunitajiet tagħna. Aħna bħala Knisja importanti li nagħmlu l-ambjent biex it-tfal iħossuhom milqugħin, maħbubin u mħeġġin biex ikollhom l-għajnuna kollha li jeħtieġu.
Hu importanti ħafna li naħdmu biex ikollna dawn il-komunitajiet tagħna, anke fil-knejjes u l-parroċċi tagħna: komunitajiet illi jilqgħu lit-tfal kif jgħid Ġesù. Ma nżommuhomx imma nilqgħuhom u nagħmlulhom il-ħajja tagħhom ħafna isbaħ, fejn it-tfal mhumiex biss dawk li jirċievu imma jkunu huma suġġetti, jiġifieri huma protagonisti wkoll fil-ħajja tal-Knisja. Fejn allura mhumiex biss dawk illi qegħdin nagħtuhom xi ħaġa imma jagħtuna huma.
Nitgħallmu mit-tfal
Dan iwassalni wkoll għal punt ieħor li Ġesù juri hawnhekk fl-Evanġelju meta jgħid li aħna nitgħallmu mit-tfal. Li ngħallmuhom huwa essenzjali, ngħinuhom jikbru billi ngħaddulhom il-valuri l-iktar importanti tal-ħajja. Imma anke mit-tfal nitgħallmu. Fil-fatt Ġesù jpoġġi lit-tfal hawnhekk bħala eżempju, meta jgħid “ta’ min hu bħalhom is-Saltna ta’ Alla” (Mk 10:14). “Ta’ min hu bħalhom” qed jgħid Ġesù, bħal tifel jew tifla li għandhom fiduċja sħiħa, għandhom dik is-sempliċità, dik l-imħabba li jintelqu f’idejn il-ġenituri tagħhom – hekk għandna nagħmlu f’idejn Alla.
Nieħdu l-eżempju tat-tfal. It-tfal jgħallmuna f’dan, jgħallmuna f’ħafna affarijiet fil-ħajja. Għalhekk importanti li kif Ġesù poġġa lit-tfal bħala eżempju, aħna wkoll inħarsu lejn it-tfal bħala dawk li jistgħu jgħallmuna ħafna fil-ħajja. Fid-djalogu magħhom, imbagħad, huma u jikbru, aħna nistgħu nwasslulhom dawk il-valuri li l-iktar jgħinuhom fil-ħajja imma nitgħallmu wkoll minnhom ħafna affarijiet sbieħ għall-ħajja tagħna.
Ejjew nitolbu llum ħafna għall-familji tagħna, għall-miżżewġin u l-familji u t-tfal. Fl-aħħar tal-Evanġelju, naqraw li Ġesù lit-tfal “ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom” (Mk 10:16). Inqiegħdu quddiemu lit-tfal kollha, speċjalment anke qraba tagħna, b’din it-talba biex hu jħaddankom miegħu, iqiegħed idejh fuqhom, iberikhom u jgħinhom ħalli huma fil-ħajja jsibu tassew dak li hu l-isbaħ, u dak li hu l-aħjar.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju