-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Knisja Parrokkjali, il-Qawra
26 ta’ Mejju 2018Għeżież żgħażagħ, kemm ħadt pjaċir nismagħkom tħabbru l-Kelma ta’ Alla u kemm ħadt pjaċir ukoll nisma’ wħud minnkom jitolbu dik it-talba sabiħa lill-Ispirtu s-Santu li qiegħda fil-ktejjeb li għandkom f’paġni 5 u 6, u jgħidulha ‘sekwenza’ għax issegwi l-qari tal-Bibbja qabel l-Evanġelju. Hija talba antika ħafna lill-Ispirtu s-Santu.
Jiena naf li se żżommu l-ktejjeb bħala tifkira għażiża ta’ dan il-mument sabiħ fil-ħajja tagħkom u nagħtikon suġġerriment ċkejken: li sikwit terġgħu ssibu t-talba f’dawk il-paġni u titolbuha. Lill-Ispirtu s-Santu itolbuh biex ikun dak ir-raġġ ta’ dawl qaddis, ikun il-faraġ tagħkom, ikun fewġa ħelwa tar-ruħ tagħkom, is-serħ u r-rażan tagħkom, li jixxota d-dmugħ tagħkom, li jkun għalikom dawl hieni ta’ qdusija, ikun għalikom mhux biss dawl imma wkoll saħħa, ikun il-purifkazzjoni, l-indafa, u l-fejqan tar-ruħ tagħkom meta jkollkom l-ebusija fil-qalb u hu jrattabilkom jekk tkun bierda, jerġa’ jagħtiha l-bżulija. Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna nilqgħu d-doni tal-ispirtu qaddis tal-Mulej.
Minn hawn u ftit ieħor se nitlobkom tikkonfermaw u ġġeddu, il-wegħdiet tal-Magħmudija, il-wegħdiet li għamlu l-ġenituri f’isimkom meta intom kontu trabi. Illum ir-risposti se tagħtuhom intom, qegħdin fil-ktejjeb, m’għandkomx għalfejn titfixklu u jiena se nsegwikom biex ir-risposta tkun tajba. Imma nixtieqkom tapprezzaw—naf li l-katekisti ppreparawkom tajjeb ħafna—x’qegħdin tagħmlu llum. Illum lill-Mulej qegħdin tgħidulu: ‘Aħna nixtiequ li inti tkun Alla tagħna’.
F’talba sabiħa li kien iħobb jgħid San Ġorġ Preca, illum lill-Mulej intom qed tgħidulu: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’. Tridx ngħidulu flimkien? Għiduha miegħi: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’. U din it-talba lill-Mulej għiduhielu kull ġurnata ta’ ħajjitkom; kemm jekk tkun ferħan, kemm jekk tkun qalbek sewda, kemm jekk tkun tgħum fil-ġid u kemm jekk tkun bla ħabba, anzi iżjed u iżjed tkun bla ħabba, għidlu: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’. U talba oħra kien iħobb jitlob San Ġorġ Preca u għallimhielna kienet: ‘Grazzi Sinjur Alla, u aħfirli Sinjur Alla’. U talba sabiħa oħra hija: ‘Sinjur Alla, agħtini l-ispirtu tiegħek’. U hekk se jagħmel illum: se jagħtikom l-ispirtu tiegħu.
Jiena nixtieq nirringrazzja lil kull min ħejjikom biex taslu għal dan il-jum. Nixtieq nirringrazzja lill-ġenituri tagħkom li wasslukom għal din il-ġurnata. Sa minn dakinhar li ġabukom fid-dinja u għażlu li jressquhom quddiem Ġesù bil-magħmudija, u llum għalaqtu tnax-il sena u qegħdin hawnhekk jifirħu bikom tirċievu l-milja tal-Ispirtu s-Santu.
Xi tfisser li tirċievi l-Ispirtu s-Santu? Tirċievi qawwa ta’ mħabba kbira. “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw13:35) u l-Ispirtu s-Santu huwa l-Ispirtu tal-imħabba, l-Ispirtu tal-maħfra, l-Ispirtu tal-paċi, l-ispirtu ta’ Alla. Min irid ikollu l-ispirtu ta’ Ġesù, irid jitlob kontinwament lill-Ispirtu s-Santu.
U għalhekk aħna, meta nfaħħru lil Alla, ngħidu: ‘Glorja lill-Missier u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu’. U Ġesù, meta bagħtna nxandru l-Aħbar it-Tajba tiegħu, l-Evanġelju tiegħu, u bagħtna ngħammdu, qalilna: “Morru agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missieru tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu” (Mt 28:19).
Lill-Ispirtu s-Santu Ġesù jsejjaħlu avukat, xi ħadd li jkun ħdejna biex jiddefendina, biex ma nħossnix waħdi, ikun hemm xi ħadd li jagħtini bil-għaqal kollu l-aħjar parir. L-Ispiritu s-Santu huwa l-konsolatur: dak li jfarraġna fid-dwejjaq tagħna meta nkunu dgħajfin jew inkunu se naqtgħu qalbna. L-Ispirtu s-Santu jfakkarna fil-kelma ta’ Ġesù: aħfer, ħobb. Il-kelma ta’ Ġesù li tgħidlek: afda fil-Missier. Ifakkarna t-talba ta’ Ġesù: “Missierna, li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek”. L-Ispirtu s-Santu jdawwalna meta rridu nieħdu deċiżjonjiet kemm żgħar u kemm kbar. U jiena nitlob ħafna għalikom għeżież żgħażagħ, biex ikollkom id-dawl tal-Ispirtu s-Santu dejjem fil-ħajja tagħkom.
Nixtieq nirringrazza ħafna lill-parirni li daħlu għal din ir-reponsabbiltà. Il-parrinu qiegħed hemm biex jitlob ħafna għall-filjozz jew il-filjozza, ikun ta’ sapport u jkun ta’ eżempju tajjeb, biċċa xogħol mhux faċli. Tliet affarijiet li nixtieqkom tfakkru lil dawn iż-żgħażagħ huma biex l-ewwel nett ikomplu jfittxu ħbieb Insara u tagħlim Nisrani. Issa mhux xi graduation u nafu kollox. Issa jibda s-sabiħ li nitgħallmu tagħlim għaż-żgħażagħ, għal dawk li qegħdin jikbru. Dawn m’għadhomx tfal! Għadna kemm għamilnilhom kuraġġ, b’ċapċipa kbira, għaliex issa m’għadhomx żgħar. Issa se jidħlu għar-responsabbiltà li waqt li qed jikbru, jikbru ta’ Nsara.
Lill-parrini nitlobhom ukoll biex ifakkru lil dawn iż-żgħażagħ li aħna l-Insara niltaqgħu ma’ Ġesù almenu darba fil-ġimgħa. Aħna ngħidulha l-Quddiesa tal-Ħadd u fdik hija l-laqgħa ma’ Ġesù, nisimgħu l-kelma tiegħu, nitqarrbnu, jekk ikollna bżonn inqerru. Il-parrinu jrid ifakkar liż-żagħżugħ li qed jieħu ħsieb: ‘Isma’ l-Ħadd mort Quddies?’ Jgħidlek: ‘Le, għax mort is-Sibt fil-għaxija’. Imma jekk jgħidlek: ‘Inti mort?’ X’se tgħidlu? X’se tgħidilha? L-eżempju, l-eżempju!
Imbagħad l-aħħar parir, għeżież parrini, għinu lil dawn iż-żgħażagħ jisimgħu iżjed lill-ġenituri. Tgħiduli: ‘Dawn jobdu ħafna’. Tajjeb, imma is-snin igerrbu u r-ras tibbies. Tajjeb li nibqgħu nisimgħu lil xulxin. Għeżież żgħażagħ, ngħid lilkom issa mhux il-parrini: m’hemmx għalfejn toqgħodu tiġġudkaw lill-ġenituri, ħadd mhu perfett fid-dinja, imma l-vuċi tagħhom se tibqa’ dejjem vuċi ta’ mħabba. Isimgħuhom. U l-Mulej jiddefendikom ukoll. L-aħħar talba tiegħi fuqkom qabel inkomplu, hija li l-Mulej jiddefendikom minn kull ħażen speċjalment mill-vizzji li jkissrukom, qed naħseb fil-vizzju tad-droga u f’vizzji oħrajn. Il-Mulej iħariskom u jipproteġikom u jalla ssibu ħbieb li jgħinukom tkunu qaddisin.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta