-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Kulleġġ San Injazju, Tal-Ħandaq
9 ta’ Mejju 2018Fis-Salm Responsorjali għedna flimkien din is-silta: “Għallimni Mulej, it-triq tal-kmandamenti tiegħek” (S119, 33). Il-kmandamenti ta’ Alla huma l-liġi taċ-ċiviltà, b’ħafna minnhom insibuhom ukoll fl-eqdem ċivilizzazzjonijiet: la tisraqx, la toqtolx, la tigdibx, la tisraqx il-mara ta’ ħaddieħor, weġġah lil ommok u ’l missierek (jiġifieri urihom rispett). Dawn huma liġijiet li nsibuhom ukoll mhux biss fil-Kelma ta’ Alla, fl-Iskrittutra, imma anke fil-liġijiet iżjed antiki bħall-Kodiċi ta’ Ħammurabi fil-Mesopotamja (fejn illum hemm l-Iraq u l-Iran). Għaliex? Għaliex il-bnedmin meta ġew biex jorganizzaw lilhom infushom irrealizzaw li inti ma jistax ikun ikollok il-libertà toqtol lil dak li jkun, għax inkella kulħadd jista’ joqtol lil xulxin, u min jibqa’ ħaj? Ma jistax ikun inti jkollok xi ħaġa tiegħek u jeħduhielek b’mod inġust għaliex inkella ma tistax tgawdi l-proprjetà tiegħek. Ma jistax ikollok l-opportunità tgħix inti u l-familja tiegħek u forsi wkoll b’dak li jkollok tgħin lil ħaddieħor.
Jekk aħna bejnietna m’aħniex kapaċi nkunu sinċieri u nużaw il-gidba biex inkissru lil xulxin, verament se nkissru l-mod kif ngħixu f’paċi bejnietna. U min ma jaqbilx li għandek tirrispetta lil ommok u ’l missierek li tawk il-ħajja? Anke jekk ma taqbilx magħhom trid tirrispettahom, b’mod speċjali mbagħad meta jikbru għaliex trid tpattilhom ta’ kemm ħadu ħsiebek meta inti kont totalment dipendenti minnhom fiċ-ċkunitek.
Aħna rridu nitgħallmu noħorġu minn din il-fosdqa ta’ egoiżmu u nitgħallmu ngħixu ta’ nies bejnietna.
Meta nirrealizzaw li t-triq tal-kmandamenti hija t-triq li tagħmilna verament nies, is-Salm jgħallimna wkoll li din hija triq li għandha bżonn proċess ta’ formazzjoni, proċess ta’ edukazzjoni. Infatti illum, fil-festa ta’ San Ġorġ Preca, għedna flimkien: “Għallimni Mulej, it-triq tal-kmandamenti tiegħek”. Dan il-mod kif aħna ngħixu ta’ nies bejnietna, il-liġi taċ-ċiviltà, hemm bżonn nitgħallmuh għax ma jiġix naturali mat-twelid; l-istint naturali li jiġi mat-twelid huwa pjuttost egoċentriku, egoista. Imma aħna rridu nitgħallmu noħorġu minn din il-fosdqa ta’ egoiżmu u nitgħallmu ngħixu ta’ nies bejnietna.
Dan il-proċess ta’ formazzjoni jibda fil-familja u fis-soċjetà imma wkoll f’establishment edukattiv bħalma hu dan li aħna qegħdin niċċelebraw illum. Intom prattikament hawnhekk tgħixu d-daylight hours. Anzi fix-xitwa hemm studenti — għax ġieli narahom waqt li nkun miexi filgħodu kmieni— li jkun għadu d-dlam u jkunu diġà bdew jippreparaw biex jaqbdu t-trasport għall-iskola. Forsi intom le għaliex intom toqgħodu pjuttost fil-qrib tal-iskola imma hemm ħafna studenti li joħorġu mid-dar għall-esperjenza tagħhom fl-iskola fid-dlam u fix-xitwa hemm ukoll min jirritorna fid-dlam.
U inti l-ġurnata tgħaddiha f’din il-komunità, li mhix il-komunita tal-familja tiegħek imma ssir il-familja tiegħek. Hawnhekk issib ukoll il-ħbieb u jiena nawguralkom ħafna li f’dan il-mument importanti taż-żgħożija tagħkom, issibu ħbieb tajbin, jiġifieri tkunu ħbieb tajbin għal xulxin. M’hemmx ħbieb ħżiena! Il-ħabib ħażin jista’ jitbiddel f’ħabib tajjeb għax kulħadd għandu ċans jirriforma ruħu, u jgħid: ‘Jiena fil-ħbiberija ma’ ħaddieħor se nkun leali, il-kelma nżommha, jekk inti għedtli kelma mhux se nxandrek, se ngħinek meta jkollok bżonn. Mhux se nħallik waħdek fil-mumenti diffiċli tiegħek’. Dik hija l- vera ħbiberija li lkoll nixtiequ u jiena lkoll nawguralkom kull wieħed u waħda minnkom.
Il-veru ambjent tal-iskola huwa intom!
Nawguralkom ukoll li intom tieħdu pjaċir f’din l-esperjenza ta’ formazzjoni. Iżjed ma tikber, iżjed ma jgħaddi żmien, iżjed tiġik nostalġija għas-snin tal-iskola. Jiena bdejt l-iskola primarja propju f’waħda mill-iskejjel tal-Kulleġġ San Injazju, fl-iskola primarja ta’ San Sebastjan f’Ħal Qormi. Nixtieq ħafna nżurha bħala Arċisqof biex nirringrazzja lill-edukaturi u anke nġedded il-memorji ta’ tant għalliema li għamluli tant ġid u l-memorja ta’ sħabi li għadni niftakarhom sallum, avolja konna pjuttost ċkejkin. Bħalma niftakar ukoll sħabi tas-Secondary Technical School ta’ Raħal Ġdid, skola oħra tal-Gvern li għamlitli ħafna ġid. Jiena, li bħalkom kelli x-xorti ngħaddi mis-sistema tal-Istat, ma nistax ma ningħaqadx magħkom u ma nirringrazzjax lill-Istat Malti għall-investiment li għamel fl-edukazzjoni u għall-ġid kollu li jsir. B’sens ta’ kburija infakkar ukoll l-għalliema li għallmuna u li taw ħajjthom biex aħna niffurmaw ruħna. Jiena nawguralkom li intom ukoll tikbru u tkunu grati għal tant ġid, għal tant informazzjoni u edukazzjoni li tieħdu f’dan il-post.
Nirringrazzjaw ’l Alla li għandkom skola sabiħa ħafna, imdawla, arjuża, imma intom tafu li aħna qed niċċelebraw l-għaxar anniversarju minn dan l-ambjent sabiħ. Imma l-ambjent veru tal-iskola huwa intom flimkien mal-istaff, ma’ min imexxi, inkluż l-istaff anċillari. Il-veru ambjent tal-iskola huwa intom!
F’dan ix-xahar ta’ Mejju u b’mod speċjali llum taħt il-ħarsien ta’ San Ġorġ Preca, jien npoġġikom taħt il-ħarsien ta’ Marija. San Ġorġ Preca kellu din l-espressjoni sabiħa: “It-tagħlim hu l-għajn ta’ kull ġid”. Għalhekk għożżuh dan l-istaġun fil-ħajja tagħkom. Mhux biss iffurmaw ruħkom fil-lingwi, fix-xjenzi, fid-dixxiplini kollha li fihom tħossukom miġbuda lejhom, u li jkollkom suċċess fl-eżamijiet imma qisu wkoll li tagħmlu ħbieb tajbin li jħallulkom togħma sabiħa fil-ħajja tagħkom.
Il-Mulej iberikkom u jkun il-barka u l-faraġ ta’ kull wieħed u waħda minnkom.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Sir 21, 11-17, 21
Salm: 119
Qari II: 2 Tim 2, 1-11
Evanġelju: Mk 16, 14a. 15-20
-
-
-
-
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace