L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Ġesù għaraf x’kellhom f’moħħhom” (Lq 9:47). Dan hu li naqraw fl-Evanġelju skont San Luqa llum – li Ġesù għaraf id-dixxipli tiegħu x’kellhom f’moħħhom. Huma kienu qed jiddiskutu bejniethom – l-Evanġelju jgħid li “qamet kwestjoni bejniethom” (Lq 9:46) – u Ġesù ma kienx wieħed minn dawk li qed jiddiskuti magħhom. Imma Ġesù, avolja lilu ma nvolvewhx, għaraf x’kellhom f’moħhom. Mhijex l-ewwel darba li naraw hekk fl-Evanġelju. Niftakru episodji oħra fejn Ġesù kien mal-kittieba u l-Fariżej, u l-Evanġelju jgħid: “għaraf ħsibijiethom” (Lq 6:8). Għax Ġesù hu dak li jagħraf il-moħħ u l-qalb. Mhux biss dak li jidher minn barra, imma wkoll il-moħħ u l-qalb.
U x’induna Ġesù hawnhekk f’din il-ġrajja? Li d-dixxipli kienu qegħdin jiddiskutu bejniethom dwar “min kien l-akbar fosthom” (Lq 9:46). Żgur li meta nduna b’dan, Ġesù tnikket, għaliex dan kien prorpju l-kontra ta’ dak li Ġesù kien għamel u kien għallem, u ta’ dak li Ġesù jfisser fil-fatt. Niftakru dak li kien qal San Pawl fl-ittra tiegħu lill-Filippin: “hu li għad li kellu n-natura ta’ Alla ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla imma xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir” (Fil 2:6-7). Li jitkellmu fuq min kien l-akbar fosthom kien proprju l-kontra ta’ dak li Ġesù kien ifisser, ta’ dak li kien jgħallimhom, ta’ dak li kien jurihom.
Ma kinetx l-ewwel darba li Ġesù urihom dan lid-dixxipli tiegħu, anzi kontinwament kien jipprova jħarriġhom biex ikunu nies li ma jfittxux lilhom infushom, wisq inqas min hu l- akbar fosthom, imma li jfittxu li jkunu nies li jagħtu lilhom infushom lill-oħrajn, bħalma għamel hu. Dan hu l-ispirtu ta’ Ġesù, u dan irid iwassal lid-dixxipli tiegħu. Nafu li f’diversi ċirkustanzi insista fuq dan. Niftakru x’kien qal fl-Evanġelju skont San Mattew: “Tafu intom, fost il-pagani l-kapijiet qegħdin biex jikkmandawhom, u l-kbarat biex iħaddmu fuqhom is-setgħa. Fostkom ma għandux ikun hekk; imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu jkun l-ilsir tagħkom. Hekk ukoll Bin il-bniedem, ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra” (Mt 20:25-28).
Hu għalhekk li fil-fatt hawnhekk li għamel Ġesù huwa li lid-dixxipli tiegħu, meta nduna fuqiex kienu qed jitkellmu, ma rrabbjax magħhom, ma kkundannahomx, ma qalilhomx ħafna kliem. Imma għamel azzjoni simbolika tant importanti. Ressaq lejh tifel żgħir, qiegħdu maġenbu – u din kienet ħaġa kbira għax ebda tifel ma kien joqgħod ħdejn rabbi, ħdejn bniedem li jgħallem – u qalilhom: “min jilqa’ lil dan it-tifel żgħir minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili jkun jilqa’ lil dak li bagħatni” (Lq 9:48). Qed jgħidilhom l-ewwel ħaġa biex huma jkollhom qalb li tilqa’, mhux li tfittex lilha nnifisha. Imbagħad jgħid: “Għax min hu l-iżgħar fostkom ilkoll, dak hu l-kbir” (Lq 9:48). U min kien l-iżgħar hemmhekk? Dak it-tifel. Qed jgħidilhom: dak hu l-kbir, u intom għandkom ikollkom qalb li tilqa’ lilu. Ara kif jaqleb ta’ taħt fuq il-mod kif kienu qed jirraġunaw bejniethom id-dixxipli biex iwasslilhom dan il-messaġġ tant importanti, għalihom u għalina lkoll, għal kull min irid jimxi warajh.
Dan hu l-messaġġ lil qed jagħtina Ġesù llum. Biex aħna nkunu tassew dixxipli tiegħu f’dan. Ma nfittxux lilna nfusna, jew li aħna jkollna din is-superjorità fuq l-oħrajn. Kultant qiegħda din fina. Kultant ikun hemm min ikollu anke xi ħaġa żgħira, imma qisu qed jikkmanda imperu. Imma Ġesù ma jridniex hekk. Irid li jkollna qalb mimlija mħabba, u kompassjoni, u ta’ servizz li anke tilliberana minn kull arroganza, pretensjoni, jew milli aħna qisna qegħdin naħkmu fuq l-oħrajn.
Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li aħna jkollna dan l-ispirtu tiegħu kull fejn inkunu, kull fejn naħdmu, kull fejn nagħtu sehemna: li nagħmlu din il-ħidma tagħna b’servizz, b’imħabba, u dan jagħmilna dejjem aktar nixbhu lilu kif għallimna hu u kif uriena hu b’ħajtu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju