Emerġenza Fidi Għaliex?
…id-diskors ta’ Fr Rene Camilleri waqt il-Kungress Kateketiku Nazzjonali 2009
Jiena nqis bħala wieħed mill-iktar kapitli importanti, bażiċi tal-Konċilju Vatikan II, it-tieni kapitlu tal-Kostituzzjoni Dei Verbum fuq it-trasmissjoni tar-Rivelazzjoni Divina. Għax il-mod kif il-Knisja tittrasmetti, jirrifletti ħafna il-Knisja x’inhi, u viċi versa. Fin-numru 8, li iktar speċifikament jitkellem dwar it-tradizzjoni ta’ din ir-Rivelazzjoni, l-att ta’ kif il-Knisja tgħaddi b’mod ħaj dak li rċeviet, il-Konċilju jgħid li l-Knisja fid-duttrina, fil-ħajja u fil-liturġija tipperpetwa u tittrasmetti lil kull ġenerazzjoni dak kollu li hi, dak kollu li temmen. Dak li hi jiġi qabel dak li temmen. Qisu dak li t-teologu Edward Schillebeeckx darba kiteb, li l-Kristjaneżmu mhuwiex messaġġ li rridu nxandruh imma huwa esperjenza li ssir messaġġ.
Nistqarr li din kienet minn dejjem għalija il-qalba ta’ x’inhi ekklesjoloġija, ta’ x’inhi Knisja. Kull meta it-tradizzjoni ma baqgħetx ħajja u saret duttrina arida, batiet il-Knisja, ftaqret l-ekklesjoloġija, nixfet il-pastorali. Huwa s-Segretarjat għall-Katekeżi li ġabna hawn f’dan il-Kungress. Il-qofol ta’ dak li se nagħmlu idur, mhux ma definizzjoni ta’ katekeżi imma ma’ realta’ ta’ Knisja, ma katekeżi li ssir proġett. X’forma jieħu dan il-ministeru tal-katekeżi, huwa l-istampa, id-djanjosi ta’ x’tip ta’ Knisja għandna f’pajjiżna u qed nipproġettaw.
Il-katekeżi fis-seklu 20 għaddiet minn fażijiet importanti ta’ tiġdid. Illum qegħdin hawn biex naraw fejn aħna u fejn se jeħodna l-Ispirtu, finalment biex il-fidi nerġgħu niskopruha bħala forza ta’ bidla, ġo fina u madwarna, u biex il-katekeżi terġa tkun rifless ta’ x’nifhmu bi Knisja.
Dan qed insejħulu l-V Kungress. L-erba’ Kungressi ta’ qabel dan jeħduna lura fl-1966, 1972, 1978, u 1982. Edward Schillebeeckx iħares lejn dawk is-snin ta’ wara l-Konċilju bħala l-honeymoon tal-Knisja konċiljari. Imma jsostni li dawk is-snin ta’ poesija malajr inbidlu fi proża u xi ħaġa ġrat biex il-prċcess konċiljari beda jixxekkel. Saħansitra llum għandna min irid jirriversja. Kont qed nirreferi għall-erba’ Kungressi ta’ qabel dan li f’dan l-ordni itrattaw dawn it-temi :
- 1966 : L-Approach kerigmatiku mat-tfal fl-iskejjel u fil-parroċċi;
- 1972 : L-Approach komunitarju. Lejn l-adulti u l-komunita’;
- 1978 : L-Approach antropoloġiku – esperjenzjali fl-iskejjel sekondarji;
- 1982 : Il-Bniedem awdjo-viziv bħala l-ambjent privileġġjat tal-katekeżi.
Uħud mill-protagonisti ta’ dik ir-rebbiegħa għall-katekeżi f’Malta qegħdin hawn. U nixtieq inneħħilhom il-kappell u nurihom gratitudni kbira. Dun Guzepp Borg Micallef fil-ftuħ tat-Tieni Kungress Kateketiku fl-1972 kien qal hekk testwalment : “Aħna llum m’aħniex biss qegħdin ngħixu fl-istorja; iżda qegħdin niffurmawha”. U Dun Guzepp Pace fl-istess Kungress kien qal : “L-aqwa strutturi u l-aqwa kotba ftit jiswew jekk il-mentalita’ tal-komunita’ li fiha t-tfal u ż-żgħażagħ jitrabbew, jikbru u jaħdmu, ma tkunx taqbel ma dak li tgħallmu”.
Dawn iż-żewġ stqarrijiet huma lapidari għal dak li dan il-Kungress jixtieq iżid ma ta’ qablu. Iż-żewġ stqarrijiet qed jisħqu, l-ewwel waħda fuq l-approach tagħna lejn l-istorja :
- kemm aħna protagonisti ta’ dak li qed isawwar il-kultura tagħna llum jew kemm aħna passivi u qed nispiċċaw f’rokna bħal ġurdien beżgħan mill-irwiefen tal-maltemp;
It-tieni stqarrija qed tisħaq fuq liema Knisja qed nittrasmettu :
- kemm hi Knisja messaġġ li jiftiehem, kemm hi esperjenza li qed tinvolvi lil dawk li huma fiha ġebel ħaj, mhux ġebel mielaħ.
Il-metafora ta’ nawfraġju li t-tema tal-Kungress qed tirreferi għaliha, metafora presenti fil-backdrop li qed takkumpanja t-tema tal-Kungress u li hi intrinsika għall-istess tema “Emerġenza Fidi”, din il-metafora teħodna lura f’teoloġi bħal Dietrich Bonhoeffer li fi żmienu, fejn tidħol il-fidi, kien qed jara żmien ta’ dekadenza. Ma naħsibx li Bonhoeffer kien pessimista jew kien jara l-ikraħ biss. Bonhoeffer hu dak li dak iż-żmien fil-ktieb tiegħu klassiku “The Cost of Discipleship” jitkellem dwar il-grazzja rħisa, “cheap grace” kif isejħilha hu stess. Il-grazzja li hija l-esperjenza tal-presenza reali ta’ Alla fl-istorja tagħna u li sikwit ma tiġix trasmessa fil-prċcess ta’ katekeżi li allura ma tibqax katekeżi ħajja.
Il-metafora ta’ nawfraġju insibuha wkoll ferm qabel f’nofs is-seklu 19 fi Kierkegaard, il-filosfu Daniz li jista jkun mar xi ftit fl-estrem fil-ġudizzju tiegħu fuq il-Kristjaneżmu ta’ żmienu. Kierkegaard ma kellux fidi li l-Kristjaneżmu fi żmienu seta’ jservi ta’ forza dinamika biex isaħħaħ jew tbiddel is-soċjeta’. Kierkegaard ixebbaħ is-soċjeta’ ta’ żmienu ma’ vapur tal-passiġġieri lussuż li f’nofs ta’ lejl, u bla ma ħadd jinduna ħlief passiġġier komuni li m’għandu l-ebda awtorita’ biex jagħmel xi ħaġa, ikun riesaq lejn iceberg. L-unika ħaġa li seta’ jagħmel dal-passiġġier kienet li jigbed l-attenzjoni tal-kaptan li, madankollu, kien kważi xurban mal-ħbieb u ftit li xejn ta’ kazu.
Bla ma kienet għadha seħħet, din kienet anteprima tal-istorja tat-Titanic li fl-immaginazzjoni ta’ Kierkegaard seħħet kważi 50 sena qabel ġrat bħala fatt. Hemm anke storja ta’ nawfraġju ieħor li jmur ħafna l-bogħod fl-istorja, pero’ li hu l-iktar qrib tagħna għax inġorruh ilkoll f’qalbna : dak ta’ San Pawl. F’dan in-nawfraġju hemm storja li d-dettalji tagħha kif rakkuntati jistgħu jifirxu quddiemna il-mappa ta’ x’qed jiġri madwarna, kif għandna niskandaljaw biex naraw aħniex qrib l-art, x’għandna żejjed li rridu narmu jew niżbru biex inħaffu t-toqol, u kif se nsalpaw biex il-kelma ta’ Pawlu, wieqaf f’nofshom, isseħħ tassew.
Dan il-Kungress qiegħed biss għalissa jifrex il-mappa. Hu mument importanti li, għalkemm huwa Kungress Kateketiku u mtella mis-Segretarjat għall-Katekeżi, ma jistax jieħu l-katekeżi f’iżolament u jistudja jew jipproġetta x’għandu jew x’jista’ jsir bla ma qabel jasal għal djanjosi tal-Knisja u tas-soċjeta’ Maltija. It-terapija qabel id-djanjosi faċli tkun żbaljata.
Hija l-Knisja li tħabbar il-Kelma, li tevanġeliżża, li tikkatekiżża. U skond ma hi l-Knisja, bl-istess dinamika se tkun il-katekeżi. Dan il-Kungress se jixgħel ir-rifletturi fuq il-qagħda tal-Knisja, fuq l-andament tas-soċjeta’ tagħna, fuq l-attenzjoni li rridu nagħtu għal dawk il-kundizzjonijiet li fihom issir it-tħabbira u l-katekeżi.
Hemm affarijiet li ilna ngħiduhom u nisimgħuhom. Imma xorta waħda, f’linja ġenerali, nibqgħu ma nisimgħux u nserrħu rasna li r-rota għadha ddur. B’rota li għadha ddur nifhem li n-nies għadha tiġi, it-tfal għadhom iġibuhom biex ngħammduhom u jagħmlu s-sagramenti. Imma qabel ir-rota nkomplu ndawwruha, jeħtieġ nieqfu u nistaqsu kemm il-ġenerazzjonijiet tal-lum, mit-tfal sal-adulti, qegħdin tassew ninizjawhom fil-ħajja nisranija.
L-Ewropa li minnha nixorbu l-valuri tal-Modernita’, bit-tajjeb u l-ħażin tagħhom, għaddiet minn nawfraġji tagħha fejn tidħol il-fidi nisranija. U llum ħafna Knejjes fl-Ewropa, speċjalment fil-pajjiżi tal-Punent li l-iktar aħna nħossuna qrib tagħhom kulturalment, qed jipproġettaw Knisja mneżżgħa mill-kultura tal-Kristjanita’ Kostantinjana biex imorru lura għall-Ewwel Tħabbira u għall-Katekumenat. F’kultura fejn għal sekli sħaħ il-grazzja roħsot fuq li roħsot, illum qed nirrealiżżaw li “r-reliġjon kulturali”, biex nislet frażi li l-Arċisqof sikwit isemmi, ma ssalvaniex.
Ma nistgħux nibqgħu nindirizzaw il-problema tal-katekeżi bħallikieku kienet kif se ngħaddu sillabu ta’ duttrina jew kif se nissalvagwardjaw bil-Kostituzzjoni li r-reliġjon tibqa’ obbligatorja fl-iskejjel tagħna. Ma nistgħux nibqgħu nindirizzaw il-katekeżi indipendentement mill-komunita’ nisranija li fiha qed issir il-katekeżi. Il-Knisja ma tistax tibqa’ tagħti messaġġi doppji u kontradittorji lill-ġenerazzjonijiet tal-lum. Hu l-impjant kollu kemm hu li rridu nindirizzaw. Inkella nibqgħu sempliċement nikkuntentaw li t-tfal qed jagħmlu l-ewwel tqarbina u forsi anke l-Griżma bla ma nkunu qed ninizjawhom għall-ħajja nisranija li hi ħajja ta’ dixxipulat.
Irridu nkunu onesti. L-esperjenza tal-Viżta Pastorali li għaddejja bħalissa qed titkellem tgħajjat. Imma nistgħu nagħlqu widnejna. Nistgħu nagħmlu l-għażla “Do not disturb”. Illum Malta waslet f’punt fejn ma tistax iktar tibqa’ in denial. Il-Kristjaneżmu tradizzjonali tagħna beda juri sew il-konsenturi u s-sinjali ta’ kriżi. U biex nifhmu l-kriżi ma nistgħux nieqfu biss fuq is-sintomi. Illum aħna ma nistgħux nibqgħu sempliċement niskandaliżżaw ruħna b’li qed jiġri u bi ftit storbju ngħattu l-għatu tal-borma. Ma nistgħux sempliċement nibqgħu nirreaġixxu għal sitwazzjoni ta’ skristjanizzazzjoni, qisna m’għandnix terapija.
Alla mhuwiex inqas presenti llum milli kien 50 sena ilu. Is-soċjeta’ u l-kultura kif inhuma, skristjaniżżati, huma għalina l-ispazji, teoloġikament ngħidulu l-locus, fejn it-Tħabbira l-kbira trid issir. Huma l-ispazji t’Alla, il-passi tiegħu fl-istorja , kif jgħid Santu Wistin, li jrid ikollna l-għerf tad-dixxerniment biex nintebħu bihom. Imma rridu nagħrfu nikkonnettjaw. U d-disconnection hija karatteristika tal-kultura tagħna llum. Ħaddieħor jirreklama “connecting people” u aħna qed naqtgħu qalbna mhux biss mill-forzi tagħna imma anke mill-istess tħabbira li rċevejna. Il-pastorali tagħna, f’linja ġenerali nerġa’ ngħid, għadha waħda ta’ konservazzjoni tal-fidi li qed neħduha for granted li hemm. Imma hemmhekk trid issir konverżjoni għal pastorali tat-tħabbira mill-ġdid tal-Vanġelu.
Is-sinjali ta’ kriżi irridu ninterpretawhom eżatt kif nissieltu biex ninterpretaw il-kodiċi tal-Apolalissi ta’ San Ġwann. Neħtieġu l-għerf pero’ biex niksru s-siġilli tal-istorja. Is-sinjali ta’ kriżi huma biss sfida għall-missjoni. Illum anke aħna irridu naħsbu serjament kif se ngħaddu minn pastorali li ma tibqax tieħu il-fidi ta’ dan il-poplu bħala given għal pastorali li twassal għall-fidi.
F’dan il-proċess il-Knisja daqskemm tista’ tiffaċilita, tista’ timblokka. Il-medjazzjoni tagħha tibqa’ kruċjali fl-esperjenza t’Alla. Daqskemm jibqa’ kruċjali li, kif qal xi ħadd, ‘People are the words with which God tells his story’.
Rev Rene’ Camilleri
Delegat tal-Arċisqof għall-Katekeżi
Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinkisbu mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]
Jekk kont preżenti għal din l-attivita’, jew tixtieq tħalli xi suġġerimenti jew kumplimenti, ħalli l-kummenti tiegħek.