L-Arċisqof Charles Scicluna saħaq li hemm ħtieġa li jsir iktar investiment għal tmiem dinjituż tal-ħajja u mhux fl-antiċipazzjoni tal-mewt.

Waqt il-programm Għal Kulħadd fuq RTK103, l-Arċisqof għamel referenza għall-abbozz ta’ liġi li qed tiġi diskussa fil-Parlament tal-Ingilterra dwar ‘assisted dying’. L-Arċisqof spjega li din il-liġi tantiċipa l-mewt għal dawk il-persuni li jinsabu f’kura paljattiva.

Dan ifisser li jekk persuna tkun f’sitwazzjoni diffiċli, ikollha l-għażla li ttemm ħajjitha qabel iż-żmien, filwaqt li tkun assistita biex twettaq dan.

Min-naħa l-oħra, il-mexxejja reliġjużi kollha kif ukoll bosta esperti qed jisħqu li minflok ma wieħed jirriżolta għall-mewt, hemm bżonn ta’ investiment fil-kura paljattiva, “fit-tmiem dinjituż tal-ħajja u mhux fl-antiċipazzjoni tal-mewt,” qal l-Arċisqof.

F’kollegatament mal-Kap Eżekuttiv ta’ Hospice Malta Kenneth Delia ntqal li l-entità tara li ssostni ‘l-pazjenti tagħha b’tama. Għaldaqstant huwa qal li jekk jitneħħa dan kollu, il-ħidma kollha ma tkunx tista’ ssir.

Kompla li l-għan tagħhom hija li titħares il-ħajja, iktar milli tiffoka fuq il-mewt, hekk kif qal li “l-focus tal-Hospice huwa li kemm jista’ jkun ngħixu sal-aħħar.”

Delia semma li l-organizzazzjoni hija kommessa li tgħin u ssostni lill-pazjenti biex il-ħajja tagħhom, minkejja l-mard, tkun waħda faċli fl-aspett mediku, emozzjonali u spiritwali – il-pilastri tal-kura paljattiva li toffri l-Hospice.

Ispirat mill-Ġublew tal-Ħniena fl-2015-2016, l-Arċisqof Scicluna kien għadda formalment il-proprjetà tal-Knisja magħrufa bħala l-Istitut Adelaide Cini f’Santa Venera lil Hospice Malta biex jitwaqqaf St Michael’s Hospice. Iktar kmieni din is-sena, l-Arċidjoċesi għaddiet formalment Dar Saura fir-Rabat lil The Malta Trust Foundation.

L-Arċisqof qal li huwa grat għal ħidmet Hospice kif ukoll għall-fatt li l-Arċidjoċesi setgħet tikkontribwixxi u tiffaċilita x-xogħol kollu li qed isir minn din l-għaqda volontarja. Semma kif id-djoċesi hija impenjata li ma tnaqqas xejn minn dak li Hospice Malta qed toffri lill-poplu Malti partikolarment lil dawk il-pazjenti li jeħtieġu l-kura paljattiva.

“Inħoss li din id-deċiżjoni li naħdmu flimkien kif ukoll il-viżjoni ta’ Hospice hija viżjoni profetika li għandna bżonnha,” sostna.

Huwa kompla li din il-ħidma hija wkoll parti mill-innu ta’ tama, filwaqt li awgura li l-esperjenza residenzjali f’St Michael’s Hospice tkun waħda mill-affarijiet sbieħ li jitwettqu fil-kuntest tal-Ġublew tat-Tama li se jitnieda lejliet il-Milied.

Sors: Newsbook Malta