Fil-Kappella Sistina fil-Vatikan għaddejjin l-aħħar tħejjijiet għall-Konklavi biex jintgħażel Papa ġdid. Il-Konklavi jibda għada wara nofsinhar. F’dan l-avveniment storiku, 115-il kardinal taħt it-80 sena huma mistennija li jidħlu fil-Kappella Sistina sabiex jivvutaw. Huma se jivvutaw għada filgħaxija u sa erba’ darbiet kuljum, jekk il-Papa ġdid ma jkunx elett għada. Sabiex jiġi elett Papa, irid ikollu maġġoranza ta’ żewġ terzi jew 77 vot. Il-Kardinali favoriti għal din l-elezzjoni jinkludu lill-Kardinal Kanadiż Marc Ouellet, u oħrajn mill-Brażil, l-Amerika, l-Italja u l-Arġentina.
F’Ruma bħalissa hemm madwar 5,600 ġurnalist, 35 fotografu u 36 ċentru tal-aħbarijiet li se jirrappurtaw il-Konklavi li jibdew għada.
Madwar 90 persuna li se jkunu qed jgħinu matul il-Konklavi ħadu ġurament biex jagħtu s-servizz. Dawn jinkludu tobba, tekniċi, xufiera, il-kapijiet tal-gwardja Svizzera u l-pulizija Taljana.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-kelliem għas-Santa Sede Patri Federico Lombardi qal li għada, fl-10am, se ssir quddiesa fil-bidu tal-Konklavi. Id-Dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali, Patri Angelo Sodano, se jmexxi l-omelija. Il-quddiesa, li se ssir fil-Bażilika tal-Vatikan, mistennija ddum madwar siegħa u 40 minuta.
Fl-4:30pm tibda purċissjoni mill-kappella Pawlina lejn id-dħul tal-konklavi. Il-purċissjoni se tkun magħmula minn kardinali, fosthom il-Kardinal Malti Prosepro Grech u kor li se jkun qed ikanta l-Litanija tal-Qaddisin u l-Vieni Creator Spiritu. Patri Lombardi qal li probabilment, l-ewwel duħħan miċ-ċumnija mhux se jidher qabel it-8pm tat-Tlieta.
Il-Quddiesa tal-inawgurazzjoni jista’ jkun li ma ssirx il-Ħadd, dan minħabba li hemm ħafna Kapijiet ta’ Stat li jridu jaslu Ruma għal dan l-avveniment.
Id-data ta’ din il-quddies tiddependi mid-data tat-tmiem tal-Konklavi.