-
-
Fl-4 ta’ April fetaħ uffiċjalment il-Kapitlu Provinċjali Ordinarju tal-patrijiet Agostinjani ta’ Malta. Il-Kapitlu huwa laqgħa ġenerali li fiha r-reliġjużi jinġabru biex jiċċelebraw u jevalwaw il-ħajja tagħhom, waqt li jippjanaw il-programm tagħhom għall-erba’ snin li ġejjin. L-Agostinjani jagħtu s-servizz tagħhom lill-Knisja u lis-soċjetà f’diversi oqsma, kemm f’Malta u kif ukoll lil hinn minn xtuxtna.
Fiċ-ċelebrazzjoni tal-ftuħ tal-Kapitlu, il-Pirjol Ġenerali tal-Ordni Agostinjan, Patri Alejandro Moral Anton , ta l-mandat lill-Pirjol Provinċjali l-ġdid, Patri Leslie Gatt, li kien elett aktar kmieni din is-sena.
Waqt il-laqgħa ġie elett ukoll il-Kunsill tal-Provinċja magħmul minn, Patri Mario Abela, Patri Alex Cauchi , Patri Paul Formosa u Patri Franco Grech. Patri Terence Spiteri kien elett Segretarju Provinċjali waqt li Patri Pierre Desira kien elett Ekonomu Provinċjali.
Il-Kapitlu Provinċjali Ordinarju li qed jinżamm fil-Kunvent ta’ San Mark ir-Rabat ikompli permezz ta’ diskussjonijiet fil-ġranet li ġejjin. Il-patrijiet imbagħad jerġgħu jinġabru fl-aħħar ġranet ta’ April waqt l-assemblea ġenerali.