Dan ix-xahar se jiftaħ il-proċess djoċesan għall-beatifikazzjoni tas-Serv t’Alla, il-Kardinal Francois Xavier Nguyen van Thuan, li għex bejn l-1928 u l-2002. Il-ftuħ solenni tal-investigazzjoni djoċesana tal-ħajja, tal-virutjiet u tar-reputazzjoni ta’ qdusija tal-Kardinal, se jsir fit-22 t’Ottubru, tliet snin wara li tħabbret it-tnedija tal-kawża. Il-Kardinal Vjetnamiż serva bħala Viċi President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi fl-1994, li tiegħu kien ukoll President bejn l-1998 u l-2002. Qabel dan is-servizz, huwa kien miżmum arrestat għal 13-il sena sħaħ f’kamp Vjetnamiż Komunista. Fl-1988 inħeles u kien mitfugħ fl-eżilju. Il-Papa Ġwanni Pawlu II laqgħu fil-Belt tal-Vatikan u fdah b’responsabbiltajiet fil-Kurja ta’ Ruma.
Iċ-ċerimonja tal-ftuħ għall-proċess ta’ investigazzjoni se jsir fl-Awla tal-Palazz Lateran f’Ruma f’sessjoni preseduta mill-Kardinal Agostino Vallini, il-Vigarju tal-Papa għad-Djoċesi ta’ Ruma. Vallini se jkun akkumpanjat mill-Kardinal Peter Turkson, attwalment President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u Paċi.
Komunikat mill-Kunsill Pontifiċju qal li qed jorganizza serje ta’ attivitajiet biex jitfakkar il-Kardinal Van Thuan. Nhar it-22 t’Ottubru, il-Kardinal Turkson se jippresiedi ċelebrazzjoni ewkaristika biex tfakkar is-Serv t’Alla fil-Knisja Rumana ta’ Santa Maria della Scala, li tagħha kien Isqof Titulari.