-
-
Aktar minn 180 persuna — bejn morda u voluntiera Maltin — qattgħu ftit jiem fil-belt ta’ Lourdes, fi Franza, bħala parti mill-pellegrinaġġ li l-Assoċjazzjoni Volontarji Lourdes, torganizza kull sena għall-persuni morda. Magħhom ingħaqdu wkoll Maltin li jinsabu Londra, Brussell u l-Lussemburgu.
Waqt il-pellegrinaġġ, il-pazjenti u l-voluntiera ħadu sehem fil-funzjonijiet li jiġu organizzati f’Lourdes fosthom il-quddiesa Internazzjonali fil-Bazilika ta’ San Piju X, l-Adorazzjoni Ewkaristika li nżammet fl-istess post u l-Aux Flambeaux.
Din is-sena, il-pellegrinaġġ, li beda fil-31 ta’ Awwissu u ġie fi tmiemu fil-5 ta’ Settembru, kien immexxi mill-Arċisqof Emeritu Mons. Pawl Cremona, li wkoll mexxa konċelebrazzjoni Ewkaristika bil-Malti, fl-istess grotta fejn il-Madonna dehret għall-ewwel darba lil Bernardette Soubirous fil-11 ta’ Frar 1858.
Parti mill-voluntiera li jgħinu lill-pazjenti Maltin huma żgħażagħ mill-Mellieħa li għalihom, dan il-pellegrinaġġ sar esperjenza annwali.
L-Assoċjazzjoni Volontarji Lourdes twaqqfet fl-2001 bil-għan li tgħin persuni morda li jkunu jixtiequ jagħmlu pellegrinaġġ ġewwa Lourdes.
Agħfas hawn għal aktar dettalji dwar l-Assoċjazzjoni Volontarji Lourdes.
-
-
Ritratti: Dar tal-Providenza u Mellieħa Youth