• Somma rekord ta’ €1,275,442 inġabret waqt il-Festa ta’ Ġenerożità organizzata id-Dar tal-Providenza. It-temp tajjeb għalkemm kemmxejn kiesaħ għen biex għadd kbir ta’ nies marru s-Siġġiewi biex jagħmlu d-donazzjoni tagħhom taħt it-tinda li ttellgħet fil-parkeġġ. Triq Lapsi li tagħti għad-Dar ftit tkun daqshekk użata. Bħal kull sena, għadd ta’ parroċċi f’Malta w Għawdex organizzaw ġabriet speċjali.

    Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, qal li din il-Festa ta’ Ġenerożità bħal dejjem uriet il-qalb kbira tal-poplu Malti u Għawdxi li għal darb’oħra wera solidarjetà u ġenerożità mad-Dar. Huwa qal li dawn il-fondi se jgħinu biex id-Dar tkompli tagħti ħajja xierqa u dejjem aħjar lir-residenti tagħha.

    L-ewwel żjara saret minn Mons Arċisqof Charles J. Scicluna li wkoll iċċelebra quddiesa fil-kappella tad-Dar tal-Providenza. Huwa appella lill-Maltin u l-Għawdxin kollha biex ikomplu jirrispettaw u jiddefendu d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità waqt li jkomplu jkunu ġenerużi mar-residenti li jgħixu fid-Dar. Huwa żied ifakkar li bħalma kien iħobb jgħid San Ġorġ Preca għandna bżonn il-Mulej u m’hemm xejn aħjar kif nagħrfuh milli niskopru iżjed it-talba tal-Missierna.

    Matul il-jum kien hemm żjarat mill-President ta’ Malta, s-Sinjura Marie Louise Coleiro Preca u r-raġel tagħha Edgar; Dr Chris Cardona, il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar li rrappreżenta lill-Prim Ministru, Il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Adrian Delia, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis; l-Arċisqof Emeritus Mons Pawl Cremona O.P. u l-Isqof Awżiljarju Mons Joseph Galea Curmi. Attendew ukoll għadd ta’ ministri u membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati u rappreżentanti ta’ korpi kostitwiti li qattgħu ħin iwieġbu t-telefonati tal-pubbliku.

    €29,487 inġabru mill-irkant ta’ xogħlijiet tal-arti mogħtija minn tmienja u disgħin artisti Maltin u barranin li għall-ewwel darba sar fl-intrata tal-Parlament fil-Belt Valletta. L-irkant sar il-Ħamis 20 tax-xahar fi tmiem ta’ wirja li kienet infetħet uffiċċjalment mill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Dr Anġlu Farrugia sebat ijiem qabel fl-istess bini tal-Parlament. Biċċiet mix-xogħlijiet tal-arti li baqgħu ma ġewx irkantati inbiegħu bil-prezz oriġinali tagħhom fil-Festa ta’ Ġenerożità matul il-jum tal-ewwel tas-Sena l-Ġdida.

    Ix-xandira televiżiva bdiet fid-9.00am b’quddiesa mill-kappella tad-Dar u baqgħet  sejra sa wara nofsillejl meta tħabbret is-somma totali fost is-soltu ferħ u briju ta’ l-għadd kbir ta’ voluntiera li taw ħinhom għal din il-Festa ta’ Ġenerożità. TVM1, TVM2, ONE TV u NET TV ingħaqdu f’ħinijiet twal fix-xandira diretta ta’ ftit aktar minn ħmistax-il siegħa.  Matul ix-xandira kien hemm programm sħieħ ta’ divertiment taħt it-tinda bis-sehem ta’ kantanti u mużiċisti ewlenin Maltin.

    3