-
Jinġabru €46,000 fil-Caritas Trail
-
Il-Caritas Malta ġabret €46,000 mill-Caritas Trail, f’avveniment fuq skala kbira li din l-organizzazzjoni għamlet biex ittella’ l-fondi. Mijjiet ta’ nies ħadu sehem f’mixja, ġirja u dawra bir-rota f’din l-attività li saret fl-aħħar ta’ Settembru. Attività oħra, Smile with Caritas li saret fil-Palazz, il-Belt Valletta, fl-okkazjoni tan-Notte Bianca, żiedet mal-ġbir tal-fondi.
It-tlett attivitajiet tal-Caritas Trail intemmu fiċ-Ċentru Terapewtiku tal-Caritas f’San Blas, fejn Monsinjur Victor Grech laqgħa ta merħba lill-partecipanti. Huwa qal li dan il-ġbir ta’ fondi qiegħed isir biex il-Caritas tkun tista’ tkompli tagħti s-servizzi tagħha b’xejn lil persuni fid-diffikultà. Huwa qal li l-Caritas mhux qed jirnexxilha tkopri l-ispejjez tagħha, u appella lill-Gvern u lill-pubbliku generali biex izidu l-appoġġ tagħhom għal dawn is-servizzi.
Monsinjur Grech qal li ċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas mhux soltu jkun miftuħ għall-pubbliku. Iżda din id-darba l-Caritas ħasset li dawk li ħadu sehem fil-Caritas Trail kellhom jinghataw l-opportunità li jaraw u jħossu l-atmosfera tal-post fejn bosta żgħażagħ jagħmlu programmi ta’ riabilitazzjoni mill-użu ta’ droga llegali.
Huwa qal li matul din l-attività il-Caritas Malta ħasset b’mod tangibbli is-sapport tal-pubbliku Malti. Huwa qal li l-Caritas hija grata lejn l-isponsors, l-entitajiet li kienu nvoluti fl-organizzazzjoni, l-impjegati u voluntiera li taw sehemhom, u fuq kollox lil dawk kollha li ħadu sehem.
L-Assistent Direttur tal-Caritas, Monsinjur Carmelo Farrugia, flimkien mac-Chief Executive tal-Bank of Valletta s-Sur Charles Borg, u c-Chief Executive tal-MaltaPost s-Sur Joseph Gafà, kienu fuq quddiem ma’ dawk li mxew minn Ħaż-Żebbuġ sa’ San Blas. Il-Membri Parlamentari Carmelo Abela u Claudio Grech kienu mal-joggers li telqu mill-irdum ta’ Ħad-Dingli, minn fejn telqu wkoll iċ-ċiklisti.
Il-Bank of Valletta, li kien l-isponsor ewlieni tal-Caritas Trail, bħalissa qiegħed jagħmel kampanja Cards for Charity li matulha l-Bank ikun qiegħed jagħti kontribuzzjoni lill-Caritas Malta minn kull tanżazzjoni li ssir permezz tal-cards tal-Bank of Valletta.
Fir-Ritratti jidhru:
Monsinjur Victor Grech jilqa’ lill-partecipanti tal-Caritas Trail f’San Blas. Fuq il-lemin tiegħu jidhru Monsinjur Carmelo Farrugia, Assistent Direttur tal-Caritas Malta, is-Sur Joseph Gafà, CEO tal-MaltaPost u s-Sur Charles Borg, CEO tal-Bank of Valletta.
Partecipanti tal-mixja fil-Caritas Trail fi-triqthom lejn il-Komunita’ Terapewtika ta’ San Blas.